X’sar minnha l-pagna uffiċjli tal-Partit Nazzjonalista?
Aqraw din is-sentenza sewwa u ifhmu dak kollu li hemm moħbi warajha. Jekk tifhmuha sewwa tindunaw li kull darba li jinkiteb li l-Partit Nazzjonalista qed iħalli kult jinbena minn u madwar Bernard Grech, tifhmu kemm l-osservatur politiku li jikteb fuq dan il-fatt f’dan il-blog għandu raġun. Din is-sentenza nkitbet minn Bernard Grech fuq il-Pagna Facebook tiegħu.
“Tista’ ssegwi wkoll il-Kunsill Ġenerali fuq il-paġna ta’ facebook tiegħi u ta’ Net TV”.
Nibda biex ngħid li l-Partit Nazzjonallista, bħal dejjem għamel ser ixandar il-Kunsill Ġenerali fuq in-Net TV. Imma din it-trasmissjoni ser tixxandar ukoll fuq l-Facebook page personali ta’ Dr Bernard Grech. X’sar minnha l-paġna uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista? Possibbli min ma jkunx preżenti personalment u ma jistax jara in-Net TV, l-unika għażla li tibqgħalu hija l-Facebook page ta’ Dr Bernard Grech? Għaliex mhux il-pagna uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista?
Mela bilfors ikollna naħsbu li qed jitwarrab anke il-partit biex tinxteħet l-importanza fuq Dr Grech biss, b’kull mezz, f’kull okkażżjoni u f’kull attivita’ possibli. Mela jidher ċar li kollox hu, ħadd ħlief hu u warbulu għax hemm hu. Imbagħad hawn min jieħu fastidju meta xi ħadd jikkritika li qed jitwarrab il-Partit Nazzjonalista biex tiġi minfuħa l-personalita’ tal-kap.
U hawn min jiġi offiż għax il-Partit Nazzjonalista jiġi kkritikat li qed jipprepara għall-elezzjoni fuq l-istil ta’ GonziPN. Mela ma hemmx x’tagħmel, ngħidu biss li l-Partit Nazzjonalista qed jingħata l-ġenb u se tinbena kampanja elettorali fuq stil presidenzjali Amerikana u f’dan il-każ marbuta mal-immaġni tal-Kap Bernard Grech. Dan huwa bini ta’ kult. Imbagħad dawn kienu nies li jikkritikaw lil Donald Trump!
Din hija mossa oħra simili għall-posters esaġerati, bħal tal-Korea ta’ Fuq u ċ-Ċina, li rajna mad-Dar Ċentrali u mal-każini. Dan saru biex jitfgħu u jaħbu l-arma tant għażiża tal-Partit Nazzjonalista u jġagħluk taħseb li jeżisti Bernard Grech biss u mhux il-Partit Nazzjonalista. Ara ma jkunx hemm xi ħadd jgħid li dan mhux veru jew li din hija biss immaġinazzjoni fertili ta’xi ħadd li ma għandux grazzja ma’ Dr Bernard Grech. Din ma hija xejn ħlief verita’ sagrosanta u jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jiftaħ għajnejh u jirrealizza x’logħba perikuluża qed tintlagħab, ikun qed jagħmel suwiċidju politiku.
Fil-Partit Nazzjonalista ma hemm bżonn ta’ ebda kult. Jekk il-Partit Nazzjonalista qed jaħseb li se jibni kampanja ma’ kap li għadu lura biex jibni immaġini tiegħu nnifsu, li għadu lura biex il-partit jersaq għall-ġlieda elettorali b’kap li diġa’ qed jiġi meqjus xi ikona jew xi statista, jew jekk qed jaħsbu li Dr Grech tant huwa karismatiku li kulħadd qed jiġri warajh jew jikkjuja biex jisimgħu, għadhom lanqas bdew jirrealizzaw x’laqgħathom.
Il-biża qiegħda li Dr Grech jaf li ħafna mid-dinosawri li kienu parti mill-gvern ta’ Gonzi, l-elettorat ma jridx jaf bihom. Dr Grech jaf li għandu madwaru tant persuni diviżivi li qed jbiegħdu mill-partit ħafna votanti. Dr Grech jaf li l-klikka tal-blue heroes li għamlu tant ħsara fil-partit u li għalkemm ħafna Nazzjonalisti qed jgħidulu biex jeħles minnhom, qed donnu juri li ma jista’ jagħmel xejn. Il-partitarji jafu li għalkemm wegħdhom deċiżżjonijiet drastiċi dan bela’ kliemu u ma għamel xejn.
Għal dawn ir-raġunijiet u għal ħafna oħra, huwa drastikament ħażin li l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista se jibnu kollox fuq il-figura tal-kap. Persważ li jafu li se jfallu. Forsi nasal biex ngħid li ma għandhomx għażla oħra, minħabba dawk il-ħafna deputati li saru mazzra ma’ għonq il-Partit Nazzjonalista. Hemm bżonn ta’ taħbil il-moħħ profond, jekk ma jridux jibagħtu messaġġ qawwi li l-Partit Nazzjonalista lanqas qiegħed f’sitwazzjoni li jiġġieled l-elezzjoni li ġejja, aħseb u ara jirbaħha. Diġa’ hemm konferma ta’ telfa minn Karol Aquilina. Tkomplux tibagħtu sinjali ta’ telliefa.
