Tweġiba tiegħi lil Robert Aquilina: il-poplu jiġġudika min hu l-giddieb.

Konvenjentament Robert Aquilina ta’ Repubblika qed jgħid li jien qed nigdeb meta ktibt li l-Għaqda Repubblika u r-rappreżentati tagħha iltaqgħu ma’ Bernard Grech. Dan kien wkoll id-diskors li qal sieħbu Manuel Delia. Imbagħad  l-istess Robert Aquilina ta intervista lil Lovin Malta fejn ammetta li iltaqjtu. Mela dak li ktibet ma għadux aktar allegazzjoni imma sar fatt ikkonfermat minn Aquilina stess.

Biss Robert Aquilina reġa’ kiteb post li qed inġib hawn taħt. Ma semma’ xejn dwar din il-laqgħa. Biss kompla jgħid li jien qed nigbed meta semmejt li Repubblika iltaqgħu ma’ Bernard Grech! Issa spiċċa jemri s-sewwa magħruf! Infakkru li l-artiklu tiegħi kien jikkonċerna l-laqgħa li kien hemm bejn Repubblika u Bernard Grech u xejn aktar u li dwarha għandna l-ammissjoni ta’ Robert Aquilina nnifsu. Issa jekk Repubblika trid tagħmel laqgħat oħra, dik mhux affari tiegħi. Biss dawn il-laqgħat ma kienux is-suġġett tal-artiklu tiegħi. L-aritklu tiegħi kien dwar il-laqgħa ta’ Repubblika ma’ Bernard Grech li fil-fatt saret u nżammet sigrieta u sirna nafu biha grazzi għall-post tiegħi.

Sallum lum, Repubblika għadha ma qalitx għalfejn inżammet sigrieta u l-anqas ċaħdet li f’din il-laqgħa kien hemm preżenti Michael Fenech Adami, il-bniedem li joqgħod jarma s-siġġijiet fil-laqgħat ta’ Repubblika u li b’kumbinazzjoni ħiereġ għall-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Imbagħad b’kumbinazzjoni t-tnejn li għadda saret protesta. Biss imkien Robert Aquilina ma ċaħad li Repubblika kienet ilha taħdem fuqha xahar.

Issa niġi għas-sapport mogħti mill-Partit Nazzjonalista lir-Repubblika. Robert Aquilina qed jgħid li dan mhux veru. Jigifieri Repubblika mhux veru li taħdem id f’id mas-CSN u s-CSN topera (jew kienet topera) minn uffiċju fid-Dar Ċentrali? U mhux veru li Repubblika kienet u hija biċċa waħda ma’ Occupy Justice u Occupy Justice organizzat laqgħa saħansitra mal-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia? Jiġifieri Robert Aquilina qed jinnega li fil-passat, Repubblika użat r-riżors tad-Dar Ċentrali tramite dawn l-għaqdiet għall-attivitajiet tagħha? Kien hemm żmien meta dawn l-għaqdiet kienu jużaw ir-risorsi anki minn wara dahar il-kap tal-Partit Adrian Delia. Din gidba wkoll sur Robert Aquilina?

Għal li jista’ jkun mhux veru anki li l-attivitajiet ta’ Repubblika ġew indirizzati minn persuni bħal Mark Anthony Sammut – li ser isir President tal-Kunsillier Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista? Dan x’juri? Mhux li intom biċċa waħda ma’ klikka li kissret lill-Partit Nazzjonalista? Int ħsibt li l-poplu Malti baħnan? Insejt meta fl-attivitajiet tagħkom kien ikun hemm fuq quddiem l-ex-segretarja tal-Partit Nazzjonalista? Din hija gidba wkoll? Naħseb in-nies għandhom għajnejhom f’wiċċhom biex jagħrfu min minnha qed jigdeb.

Ħa nfakkrek ftit Robert Aquilina forsi insejt. Tiċħad li Michael Fenech Adami kellu f’idejh uffiċċju fid-Dar Ċentrali biex iżomm fih l-affarijiet li kienu jintużaw waqt il-protesti tagħkom? Tiċħad li l-palk u l-audio kienu jagħmilhom Michael Fenech Adami ma’ ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista? Tiċħad li dawn kienu jinżammu fil-basement tad-Dar Ċentrali?

Veru li Pia Zammit ġiet id-Dar Ċentrali titlob biex Adrian Delia jagħti s-support tiegħu lil dawn il-protesti? Verament ma ġietx titkellem f’isem Repubblika imma f’isem Occupy Justice, imma f’dik il-ħabta kontu biċċa waħda u naħseb li għadkom. Ħa nfakkrek ftit ieħor. Għal dik il-laqgħa ma’ Adrian Delia, barra Pia Zammit, kien hemm il-mara ta’ Manuel Delia u rappreżentanti tal-CSN. Tiċħad li dan mhux minnu?

Forsi hija gibda wkoll li Occupy Justice u Repubblika kontu u naħseb għadkom torganizzaw il-protesti flimkien? Għandna naqblu li Manuel Delia kien u għadu parti minn Repubblika? Il-verita’ hija li kieku ma kienetx il-parteċipazzjoni tan-Nazzjonalisti, li kienu jiġu nkorraġġuti mid-Dar Ċentrali biex jattendu għall-protesti tagħkom, kieku frejjeġ kien ikollkom. Dawn fatti u mhux gideb Sur Robert Aquilina!

Niġi għall-isfida jew il-mistoqsijiet li għamiltli. X’inhuma? Li jien ningħaqad magħkom? It-tweġiba tiegħi hija le. Li jien niġġieled kontra jew għala ma tantx qed nikkritika lill-Lejber? Infakkrek li jien kont u għandi nikkritika dan il-gvern. Jekk issegwi l-blogs tiegħi, ikolli wkoll artikli ta’ kritika lejn il-Lejber. Infakkrek li bdejt nikkritika dan il-gvern qabel ma int qomt mir-raqda li kont fiha. Ara l-artikli li kont nikteb fil-Malta Independent ma tikkummentax dwarhom.

Biss illum qiegħed aktar nikkritika lill-PN. Dan veru. Għaliex? Għax nemmen li jrid ikun hemm oppożizzjoni konservattiva b’saħħitha li nies bħalek kissruha meta ħdimtu kontra Adrian Delia u b’hekk ħallejtu lil dan il-gvern jagħmel li jrid. Illum qed nieħdu l-konsegwenzi ta’ għemilkom. Waqt li Repubblika tiftaħar li hija indipendenti, l-attivisti tagħha llum la huma Nazzjonalisti u l-anqas Laburisti, imma ħafna minnhom persuni li kienu kontra Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista jew mal-PD jew l-Alternattiva u xejn aktar. Dan hu r-rigal li ħa Adrian Delia talli ħallikom tużaw ir-risorsi tal-Partit Nazzjonalista. Ma ddejjaqtux taħdmu kontra tiegħu biex ittajruh allavolja kien qed jiġġieled kontra l-korruzzjoni tal-gvern ta’ Muscat bħal ma ġġilidt jiena.

Nemmen li qabel ma jkun hemm oppożizzjoni b’saħħitha, ma hemmx soluzzjoni għal dan il-pajjiż. Issa jekk inti qed timplika, bħal ma kien implika Manuel Delia, li jien qiegħed fil-but ta’ xi ħadd, ġib il-provi. Jien l-anqas ma għandi xi NGO biex permezz tagħha nirċivi fondi mill-Ewropa jew minn xi assoċjazzjonijiet oħra. Infakkrek li kemm l-FATF u l-ex-Kummissjaru Abela Medici tkellmu dwar il-fatt l-NGOs jistgħu wkoll jintużaw fil-ħasil ta’ flus. U l-anqas kont f’xi NGO li spiċċat taħt il-kritika tal-Kummissarju tal-NGOs bħal ma ġara fil-każ ta’ Repubblika u mbagħad għax onest, dan il-kummissarju tkeċċa minn dan il-gvern. Ara fuq dan il-fatt, Robert Aquilina u sħabu baqgħu b’ħalqu magħluq!

Infakkrek li l-anqas għandi kumpaniji jew kontijiet sigrieti. Kontra wieħed mill-avukati tagħkom, jien qatt ma ġejt mogħti xi rigal biex immur mawra sa fuq il-qabar ta’ Kristu! Biss jekk taħseb li jien qed inqarraq jew qiegħed f’xi attivita’ illegali, dejjem tista’ titlob lill-kummissarju tal-pulizija biex jinvestigani. Fuq kollox, int ammettejt fl-artiklu tiegħek li jkollok laqgħat miegħu. Ara jien, qatt ma kilt il-kirxa miegħu!

One comment

Leave a Reply