Reġgħu għamlu konferenza stampa kontra Rosianne Cutajar

Minn osservatur politiku.

Reġgħet saret konferenza stampa oħra fuq Net TV. Għal darba oħra reġgħu tfaċċaw żewġ uċuh, li bħala l-wiċċ tal-Partit Nazzjonalista, l-poplu ma jridx jaf bihom iżjed. Dawn huma tnejn mill-iżjed uċuh li l-poplu ma jridx jara u jisma’. Minħabba fihom u sħabhom il-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jitlef b’ammonti astronomiċi. Dawn iż-żewġ uċuh huma Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina. Dan il-każ ta’ Rosianne Cutajar hu eżempju tajjeb ħafna għal min irid jifhem x’għandu ħażin il-Partit Nazzjonalista.

Għalfejn nerġa’ nitfa’ l-istess żewġ uċuh quddiem il-cameras tal-Partit Nazzjonalista biex ikomplu jtambru fuq l-istess suġġett u l-istess persuna. Possibbli hemm għalfejn tiġi Therese Comodini Cachia, li l-avventura politika tagħha ddikjarat li magħluqa, biex tkompli tattakka l-istess deputat min-naħa tal-Gvern. In-Nazzjonalisti qed jaħsbu li dan huwa ta’ ġid lill-Partit. Aktar naħseb li dawn it-tnejn min-nies, żewġ blue heroes, għandhom ġisimhom mimli b’demm li qabel jeqred ma jieqafx. Din hija l-istess narrattiva li t-tnejn li huma użaw biex kissru Kap ta’ Partit Nazzjonalista.

Mela din id-deputat tal-avversarji politiċi, Rosianne Cutajar, inqabdet u kellha tħallas prezz politiku qares ħafna għax tilfet postha fil-kabinet. Issa se jkollha wkoll tiffaċċja l-awtoritajiet tat-taxxa. Naħseb li biżżejjed għal xi ħadd li żbalja. Iżda dawn tal-klikka fil-Partit Nazzjonalista ma jafux jgħidu daqshekk. Iridu jkomplu jieħdu, kif jgħidu bl-Ingliż, biex jieħdu ‘a pound of Flesh’.

Mhux kuntenti jaraw li ssir ġustizzja iżda b’vendikazzjoni jridu jkissru l-persuna biex ma terġax tqum fuq saqajha, imqar biex tgħid li żbaljat u titlob apoloġija. Dan hu l-Partit Nazzjonalista li ħadd ma jrid. Fejn huma nies bħal Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, Ċensu Tabone, iċ-Ċumpaq, Ugo Mifsud Bonnici u ħafna oħrajn. Dawn kienu jaraw li ssir ġustizzja mingħajr ma jibqgħu jisolħu sa l-aħħar qatra demm! Konna ngħidu li l-Malta Labour Party ta’ Mintoff kien vendikattiv.

Fil-fatt dan ġie ppruvat fil-ktieb li għadu kemm ħareġ Patri Mark Montebello, imma issa trawmet klikka fil-Partit Nazzjonalista li għandha ħdura agħar minn ta’ Mintoff. Minflok ma tejjibna l-membri Parlamentari tagħna, issa li ilna 17-il sena membri fl-Unjoni Ewropea, għandna nies bi ħdura li ma tintgħarafx. U dawn huma l-istess nies li fuq kollox, waslu biex għamlu li għamlu lil Kap tagħhom elett demokratikament, aħseb u ara x’lesti jagħmlu lill-Laburisti. B’hekk ħadd m’hu se jafdhom imexxu l-pajjiż, għax kulħadd jibża jagħtihom il-poter.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *