Meta ser ikunu ppubblikati l-emendi għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista?
Jidher li l-artiklu li ktibt dwar il-fatt li l-emendi tal-istatut inżammu sigrieta kellu l-effett mixtieq. Wara dan l-artiklu, numru ta’ Nazzjonalisti bdew jistaqsu biex ikunu jafu x’inhuma dawn l-emendi li qed jiġu proposti b’mod sigriet fit-tibdil tal-istatut.
Ħafna staqsew għalihom u ndunaw li dak li għidt jien hu kollu minnu. Lil dawk li staqsew għal dawn l-emendi, ħadd ma kien kapaċi jagħtihom tweġiba ta’ x’kienu dawn l-emendi li suppost huma pubbliċi.
Infakkar li normalment tibdiliet fl-istatut jibdew jiġu diskussi f’konvenzjoni ġenerali. Dan ma seħħx. Mhux talli ma seħħx, talli llum, il-Partit Nazzjonalista spiċċa f’sitwazzjoni li lanqas dawk li qegħdin bħal issa fl-esekuttiv ma jafu x’qed jiġi propost bħala tibdiliet fl-istatut. L-impressjoni li qed tingħata hija li dawk involuti wara dan it-tibdil fl-istatut qed jaħbu.
Persuna li staqsit dwar x’inhuma dawn l-emendi kitbitli u qaltli li
“jien smajt, għalkemm taf li tista‘ tkun gidba, li l-istatut il-ġdid ħa jipproteġi il-pożizzjoni tal-kap tal-partit f’każ ta’ telfa elettorali kbira”.
Jekk dan hu minnu, mela dak li ħsibt jien wara dawn l-emendi huma korretti.
Irċevejt messaġġ ieħor li fih qaluli li l-emendi għall-istatut telgħin fuq il-website dalwaqt. Dalwaqt ma nafx xi tfisser. Tista’ tkun il-lejla, għada filgħodu jew il-Ħadd jew anki l-ġimgħa d-dieħla. Biss komplit tgħidli din il-persuna li
“ma nafx jekk hux veru. Dak li smajt”.
Persuna oħra kitbitli u qaltli li suppost il-kunsilliera għandhom jirċievu dawn l-emendi hekk kif joħorġu. Hija kompliet tgħidli li kif tirċivihom tibgħathomli.
Dak li hu żgur li din id-darba, it-tesserati ma ġewx involuti f’dan il-proċess ta’ tibdil ta’ l-istatut. Dawk li ser ikunu involuti huma l-kunsilliera meta jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali.
Nistennew u naraw meta ser ikunu ppubblikati dawn l-emendi għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Dak li hu żgur huwa li d-diskussjoni għal dawn l-emendi hija waħda riservata għal ġurnata waħda biss u din hija nhar il-Ħamis.
Infakkar li d-darba l-oħra, meta kien hemm diskussjoni dwar tibdil tal-istatut, id-diskussjoni kienet imqasma fuq ħmistax-il jum. Id-diskussjoni kienet anki tqassmet skont id-distretti u ħafna kienu attendew għal dawn id-diskussjonijiet. Imbagħad wara, id-diskussjoni marret quddiem l-esekuttiv u wara marret quddiem il-Kunsill Ġenerali.
Dan kif kien isir ix-xogħol fi żmien Adrian Delia li skont dawk tar-rule of law, il-Partit Nazzjonalista ma kienx imexxi tajjeb. Ara issa kollox mixi fuq ir-rubini u skont ir-rule of law! Ħalluna ngħixu!