Bernard Grech f’Salib it-Toroq
Blog post minn kunsillier Nazzjonalista
F’ħafna okkazjonijiet, kwalunkwe bniedem jiġi f’punti matul ħajtu li jsib ruħu f’salib it-toroq. Jekk tkun persuna vizjonarja u ta’ ċertu intellett, li tagħraf sew xi trid u fejn trid tasal, tkun taf tieħu deċizzjonijiet importanti ħafna li jbiddlu l-futur kemm tiegħek, kemm ta’ madwarek u jekk tkun f’pożizzjoni għolja anke ta’ pajjiżek. Jien personalment qed nara lil Dr Bernard Grech f’din il-pożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista li ħa it-tmexxija tiegħu permezz ta’ daqqa ta’ stallet, la għamel kambjament u wisq aktar ser jagħmel jekk mhux ser jittieħdu deċizzjonijiet drastiċi.
Xi xhur ilu smajt lil Dr Bernard Grech jirreferi għal dawn il-bidliet pero’ sal-lum, fl-opinjoni tiegħi għadu kollox l-istess, anzi nażżarda ngħid li l-affarijiet marru ħafna għal aghar. Dr Grech, għandu obbligu mogħti lilu mill-Kostituzzjoni ta’ Malta li jimxi mingħajr ebda favur u ma jħares lejn wiċċ ħadd. Kulħadd jaf li l-Partit Nazzjonalista qiegħed imfarrak f’biċċiet. Trid tkun iċċassat bil-beraq jekk ma tammettix li l-poplu Malti qed jistmerr lill dan il-partit glorjuż b’tant numri kbar, u ma tħarisx fil-fond minn fejn ġejja din il-problema. Il-partit qed jippreżenta uċuh sabiex jirrapreżentawh li għamlu kemm felħu ħsara, keċċew kemm felħu nies, u ma jistgħux jagħmlu aktar ħsara milli għamlu.
Mela huwa ovvju u ċar daqs il-kristall, li Dr Bernard Grech, irid irabbi par tal-azzar u jeħodha qatta’ bla ħabel kontra dawn in-nies li m’inhix ser insemmi l-ebda isem għaliex kulħadd jaf min huma. Pero’ ser ngħid li ta’ l-inqas hemm disa’ membri Parlamentari li jridu jisparixxu mill-aktar fis mill-partit. U meta qed ngħid jisparixxu tfisser li lanqas għall-elezzjoni li jmiss mgħandhom ikunu jiffurmaw parti mill-kandidati li ser jikkontestaw l-elezzjoni. Dan għandu jseħħ mhux biss fir-rigward tas-sitwazzjoni li jinstab fiha llum Dr Grech, iżda għal ġid tal-partit stess li ma jistax ikun li wara l-elezzjoni, dawn l-istess MP’s jibqgħu jkunu ta’ mażra ma’ għonq il-kap innifsu.
Dr Grech għandu dover li anke jekk jagħti l-każ li wara l-elezzjoni hu stess ikollu jwarrab, ikun għamel mossa brillanti għal min jiġi warajh. B’hekk biss il-Partit Nazzjonalista jista’ jibda jinbidel u hemm ħtieġa enormi li dan iseħħ, kemm għall-partit innifsu iżda l-aktar għall-ġid ta’ Malta tagħna. Aħna lkoll għandna obbligu sagrosant lejn pajjiżna li jkollna oppożizzjoni serja u xierqa. Waħda ġusta u li mhix arroganti, taħseb li d-dinja ddur magħha u li verament lesta sabiex tagħmel il-ġid. B’hekk biss il-Partit Nazzjonalista jibda jieħu ir-ruħ. U jien nistaqsi, liema triq ser tieħu Dr Grech? Dik komda tas-signor si, jew dik li verament int qiegħed fil-pożizzjoni li qiegħed u għandek dover li tieħu?
Nistennew u naraw.