Karol Aquilina konvint li l-Lejber ser jerbaħ l-elezzjoni li jmiss
Blog post minn osservatur politiku
Il-bieraħ t’lura, it-Tlieta 6 ta’ Lulju, il-Partit Nazzjonalista għamel konferenza stampa. Din kienet indirizzata minn Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina. F’dan l-artiklu se niffoka biss fuq dak li qal Karol Aquilina meta kien qed jindirizza l-konferenza. Tkellem minn script preparat u allura dak li qal irridu neħduh bħala xi ħaġa preparata u suppost meqjuża. Ħa nikkwotalkom kelma b’kelma biċċa minn dak li qal Karol Aquilina. Taħsbux li se nipprova inqarraq billi nħalli xi biċċa barra jew inżid magħha. Din hija sentenza sħiħa li qal hu.
“Issa Robert Abela qiegħed iħalli lil Rosianne Cutajar membru tal-grupp Parlamentari tiegħu, ser iħalliha kandidata għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, biex meta tgħaddi l-elezzjoni ġenerali u Rosianne Cutajar terġa’ tiġi eletta jagħmilha Ministru”.
Ħudu gost Nazzjonalisti! Kif inkiteb fuq blog ieħor f’dan is-sit, ara x’awguralkom id-deputat tagħkom? Qed jgħidilkom, b’mod dirett li l-Partit Laburista se jerġa’ jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Aqraw sew dak li qal. Huwa diġa’ jaf li Rosianne Cutajar se tiġi eletta u se ssir ministru. Kif tista’ ssir ministru jekk il-labour jitlef l-elezzjoni?
Mela Karol Aquilina konvint li l-Partit Laburista se jerġa’ jerbaħ l-elezzjoni. Kull Nazzjonalist għandu jħossu kburi li wieħed mid-deputati tiegħu jaf b’ċertezza, għax indirizza lill-ġurnalisti u lil kull Malti u Għawdxi, li l-Partit Nazzjonalista se jitlef l-elezzjoni li jmiss. Biex niftiehmu, l-indikazzjonijiet hekk qed juru, imma li tisma’ deputat jikkonferma, hija xi ħaġa li ma titwemminx, speċjalment meta tintqal ftit żmien qabel elezzjoni.
Ta’ min ngħidulu grazzi u prosit tal-inkoraġġiment li qed jagħmel lill-partitarji Nazzjonalisti. Fl-istess indirizz tiegħu waqt il-konferenza kompla jgħid xi ħaġa hekk. Dan il-każ ta’ Rosianne Cutajar u l-mod kif trattah Robert Abela jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżna. Pajjiżna huwa ġia greylisted minħabba l-każijiet kollha li seħħew. Dawn il-każijiet irridu nfakkru li huma sensiela twila ta’ każijiet u dan il-każ ta’ Rosianne Cutajar ser jiżdied ma’ dawn il-każijiet kollha.
Dr Aquilina qal li se jsemmi biss disa’ minn dawn il-każijiet li ġraw matul dawn l-aħħar tmien snin tal-Partit Laburista fil-Gvern. Mela ma’ dawk id-9 każijiet li semma, hu qal li jrid iżid ukoll ta’ Rosianne Cutajar u saru 10. Hawnhekk se nsemmilu l-ħdax-il wieħed li kien għaddej dak iż-żmien li ukoll jittratta nuqqas finanzjarju kriminali minn avukat. Dr Bernard Grech kien ilu għaddej kważi tnax-il sena b’nuqqasijiet li ma tantx wieħed jista’ jiftaħar bihom fuq livelli ta’ taxxa.
Allura jista’ jitqies bħala każ li beda taħt Gvern Nazzjonalista u kompla taħt żewġ Gvernijiet Laburisti. Dr Grech, għall-kuntrarju ta’ Rosianne Cutajar, li naqset darba, kien ilu jonqos sena wara sena li saħansitra ġibditlu l-attenzjoni l-qorti darbtejn. Issa ħa nifhetmu l-qorti taġixxi għax ikunu resqu lill-evasur, id-dipartiment tat-taxxa. Mela Dr Aquilina dan jista’ jiġi konsidrat bħala evażjoni ta’ taxxa u allura jitqies mal-lista twila tiegħek biex nagħmluhom 11? X’taħseb Dr Aquilina? Tgħid dan il-każ ikrah, li ġie irranġat ta’ malajr, forsi wkoll għax kif qalet l-FATF kollox jgħaddi u jittranġa? Kemm huwa sewwa li tara l-fraka (u forsi ftit aktar) f’għajnejn Rosianne Cutajar u t-travu f’għajnejn Bernard Grech ma tarahx
L-UNIKA WAHDA LI GIEBT TAJBA F’HAJTEK.