Jekk fi tranżazzjoni fi flus kontanti jkun hemm politiku ħażin imma jekk inkun hemm raġel ta’ imħallfa ma ġara xejn

Min ikun qed jgħix f’dar tal-ħġieġ ma tantx jista’ ġebel lil ħaddieħor. Wara l-konferenza minn Therese Comodini Cachia u Karol Aquilina, li sar it-Tlieta, dawn kellhom iwieġbu l-ftit mistoqsijet tal-ġurnalisti. Ara meta jkollok x’taħbi kif iġibuk darek mal-ħajt il-ġurnalisti!. Hawn ħa nirreferi għal tweġiba li tat Therese Comodini Cachia għall-mistoqsija li għamliha ġurnalista ta’ One News. Il-ġurnalist Samuel Lucas mill-ONE News staqsa,

“peress li qed tgħidu li Rosianne Cutajar għandha tirriżenja minn membru parlamantari, dan jgħodd ukoll għal Bernard Grech li hu serial tax evader. Intom se tgħiduli li Bernard Grech ħallas il-pendenzi kollha li kellu. Madankollu ħallashom għaliex ġie biex jiġi Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kellu snin twal ma ħallashomx. Għandu hu wkoll jirriżenja minn membru Parlamentari u jekk le għala le?”

Therese Comodini Cachia wieġbet;

“Bejn Bernard Grech u l-każ ta’ Rosianne Cutajar hemm baħar jaqsam. Rosianne Cutajar ma ħaditx flus cash kontanti f’idejha minn għand kwalunkwe persuna. Rosianne Cutajar ħadet dawk il-flus cash kontanti f’idejha f’ċirkostanzi fejn il-pajjiż kollu, fejn l-Ewropa kollha, kienet b’għajnejha fuq pajjiżna jippruvaw jaraw kif pajjiżna, kif il-gvern Laburista, se jnaddaf lil dan il-pajjiż minn xibka ta’ kriminalita’ involuta f’investigazzjonijiet ta’ reati finanżjarji u kif dak se iseħħ. Jiġifieri Rosianne Cutajar mhux biss ma ddikjaratx il-flus kontanti illi hi ħadet, mhux biss aċċettat u ammettit li rċeviet disa’ t’elef cash f’idejha bħala rigal li, irrid ngħid il-kodiċi ta’ etika tad-deputati, jitkellem dwar ir-rigali li d-deputati jistgħu jirċievu u kif għandhom jittrattaw dawn ir-regali, pero’ f’dan kollu Rosianne Cutajar naqset ukoll milli teżerċita ġudizzju responsabbli fil-konfront ta’ pajjiżna. Hija għażlet li tibqa’ tinnegozja bi flus kontanti ma’ persuna illi kien hemm allegazzjonijiet serji li kkommetta reati finazjarji, l-istess tip ta’ reati finanzjarji li lil pajjiżna ġabuh f’xifer u ġabuh fuq il-lista l-griża”.

X’ser tgħid l-avukata Comodini Cachia dwar il-fatt li wieħed minn dawk involuti f’dan allegat ta’ tranżazzjoni ta’ flus kontanti, li hija stess qed issemmi u tgħid li jikkostitwixxi reat kriminali hemm involut ir-raġel ta’ imħallfa li għal ġieħna qed tmexxi inkjesta biex tnaddaf lill-pajjiżna mill-korruzzjoni? Ovvjament l-isem tiegħu ma jissemmix. Imma l-kumpanija li kien parti minnha, Green Eyes Limited, tissema f’din it-tranzazzjoni li skont l-istess Therese Comodini Cachia kient tinvolvi flus kontanti u għalhekk ħażina.

Ma tħossx Therese Comodini Cachia li għandna xi ħaġa li mhux flokha f’dan il-każ kollu? Ma tħoss li l-Oppożizzjoni, mhux qed tkun kredibbli meta titkellem għaliex qed tkun selettiva fil-kritika tagħha? Ma tħossx li mhux qed tikkritika b’mod sħiħ u miftuħ u qed tagħżel fejn tattakka u tinjora affarijiet gravi ħafna? Mela jekk Green Eyes Limited għamlet negozju ma’ Yorgen Fenech, dan mhux ukoll reat għaliex fi kliem l-istess Comodini Cachia għażlet li tinnegozzja fi flus kontanti?

Jekk f’dan in-negozzju tidħol Rosianne Cutajar, dan isir xi ħaġa ħażina. Jiġifieri li kieku ma daħħlitx Rosianne Cutajar, dan in-negozzju fi flus kontanti kien ikun tajjeb?

Fuq kollox hemm punt li kont nistenna li Comodini Cachia ser tistaqsi jew titkellem dwaru jekk hija tħobb il-governanza tajba. Min talba biex dan in-negozzju jsir bi flus kontanti? Green Eyes Ltd, Joe Camilleri jew Yorgen Fenech? Minn informazzjoni li għandi, ma kienx Yorgen Fenech li talab li biex dan in-negozzju isir bi flus kontanti. Dan ikompli jikkonferma l-agenda li teżisti biex is-sewwa jibqa’ mistur mill-politiċi tagħna.

Qaddisi huwa wieħed. Jew kollox ħażin jew inkellha oqgħod kwiet.

Dawn huma tbajja li ma jitħassrux bil-gomma. Ma nafx kif politiċi jistgħu jippontifikaw fuq l-FATF meta fir-rapport tagħha hemm ċar li l-evazzjoni tat-taxxa hija raġuni li minħabba fiha Malta weħħlet mill-eżami u naħseb li l-FATF ma kienetx qed tara biss politiċi iżda l-ispettrum kollu tas-soċjeta onorabbli Maltija.

One thought on “Jekk fi tranżazzjoni fi flus kontanti jkun hemm politiku ħażin imma jekk inkun hemm raġel ta’ imħallfa ma ġara xejn

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *