X’sar minnu l-Covid19 Team tal-Partit Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

Hemm bżonn urġenti ta’ serjeta totali fil-Partit Nazzjonalista. Ma jistax jkun li, jekk dan il-partit irid jibqa’ jittieħed bis-serjeta, irid bilfors jibda’ jaħseb, jirrifletti u jistudja sewwa kull deċiżżjoni li jieħu. Ma jistax ikun li dan il-partit fl-Oppożizzjoni jibqa’ jirredikola ruħu bil-proposti jew azzjonijiet li jagħmel u imbagħad lanqas hu stess ma jkun jista’ jkun konsistenti fuqhom. Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jitfa’ ġebel fuq saqajh u ma jkunx responsabbli ta’ azzjonijiet tiegħu.

Nhar il-Ħadd 4 ta’ Lulju, il-gazzetta il-Kullħadd għamlet xalata tgħaddi biż-żmien il-COVID Team tal-Partit Nazzjonalista. Mhux talli kienet redikola d-deċizzjoni li jitwaqqaf dan it-team, talli anke t-team stess irrealizza li ma kienx hemm postu u żgur ma kienx qed ikun proattiv.

Waħda mill-membri fuq dan il-COVID Team spiċċat b’tal-ONE News jistaqsuha, mistoqsija waħda wara l-oħra, kemm iltaqa’, meta ltaqa’ u kemm ilu ma jiltaqa’ dan l-imbierek team. Bir-rispett kollu Dr Bernard Grech, meta tieħu deċizzjoni bħal din, irrifletti sewwa x’ġid se joħroġ mit-twaqqif ta’ team bħal dan. Ma jistax ikun li bl-għażliet u d-deċiżżjonijiet ħżiena tiegħek jew ta’ min qed ibellagħhomlok twaqqa’ għaċ-ċajt deputati jew tpoġġihom f’sitwazzjoni li biex ma jirredikolawx lilek, ikollhom jidhru koroh huma.

Nispera li tkun umli biżżejjed li tiskuża ruħek mad-Dottoressa Maria Deguara. M’inhiex se nżomm in-nifs għax persważ li ma tasalx. Imma l-ironija qiegħda hawn. Wara dik il-froġa tal-COVID Team, mingħajr mistħija ta’ xejn, l-unika proposta li Dr Bernard Grech ħareġ biha, bħala eżitu tal-FATF, kienet team ieħor, li din id-darba sejjaħlu task force.

Bil-fors jaqla’ ħafna kritika Dr Grech, għax int ma tistax tagħmel xi ħaġa jew tissuġġerixxi xi ħaġa, meta tkun diġa għamilt xi ħaġa simili tagħha li ma ħadmitx. Fil-fatt il-Kullħadd, fuq hekk ibbażat l-kritika tagħha u l-gazzetta kellha raġun tgħid li “L-iktar jekk tkun bħall-COVID Team, li ssejjaħ għar-ritratti fil-furja tal-mument, imbagħad daqslikieku qatt ma kien xejn”.

Ir-responsabilita’ tal-Partit fl-Oppożizzjoni hija kbira, imma din ir-responsabilita’ ma tistax tittieħed b’mod dilettantesk. Lanqas tista’ l-Oppożizzjoni titkellem qisha biex tkun tkellmet. Jekk hu hekk, l-Oppożizzjoni aħjar tagħlaq ħalqha milli tirredikola ruħha. Il-Partit fil-Gvern diġa’ wriena li l-problema tal-pandemija, wara li għamel ftit ħmerijiet, isserja u ttakilja b’tali mod li tat il-frott mistenni. Mela wasal iż-żmien li l-Oppożizzjoni timita ftit it-tajjeb tal-Gvern. Li tiżbalja darba tkun aċċettabbli, imma meta tkun taf li team mibni minnek għamel vroma, ma tistax jekk tkun serju, tipproponi xi ħaġa simili.

One comment

Leave a Reply