Where your opinion counts

Ritratt li ħoloq kontroversja. Mhux “George” imma “Ġorġ” jew “Giorgio” Borg Olivier

Eve Borg Bonello tellgħet post fejn fih għamel photomontage biex tiġi tidher bħal li kieku kienet preżenti ma’ Ġorġ Borg Olivier u tellgħetu fuq il-Facebook, anki jekk hi ma kienetx twieldet meta miet dan l-istatista Malti. Dan ir-ritratt ħoloq ftit tal-kontroversja.

Nifhem l-entużjamu taż-żagħżugħa, anki jekk għalija dawn ir-ritratti ma għandhomx jintużaw b’dan il-mod għaliex huma għandhom jibqgħu mumenti ta’ serjeta’ u prova storika ta’ ringrazzjament lejn statista Malti li ħadem qatigħ għall-pajjiżu,

Nifhem li persuni li qed jaspiraw li jidħlu fil-politika jieħdu vantaġġ politiku minn politiċi kbar preżenti u jieħdu ritratt magħhom. Illum qed immorru lil hinn u nipprova nagħmlu lilna nfusna preżenti ma politiċi li ma għadhomx magħna.

Naħseb li dan hu l-ewwel – u jekk mhux l-ewwel, wieħed minn ta’ l-ewwel photomanages fejn saret din il-logħob fejn persuna tqiegħed lilha nnifisha ma’ figura storika bħal ma hu l-ex-Prim Ministru Borg Olivier.

Għalija Borg Olivier kien il-bniedem li beda it-triq biex pajjiżna wasal fejn hu llum. Kien bniedem viżjunarju u rinomat madwar id-dinja.

Biss hemm punt importanti li jmur lilhinn mis-sarkażmu li forsi wieħed jassoċja ma’ dawn it-tip ta’ photomontages u din hija raġuni oħra għala spiċċajt nikkummenta fuq dan ir-ritratt.

Saret ħaġa komuni llum fil-Partit Nazzjonalista li jirreferu għal Ġorġ Borg Olivier bħala George. Fi kliem ieħor, jiktbu ismu bl-Ingliż. Dan għamlitu Eve Borg Bonello u qed jagħmluh ħafna fil-Partit Nazzjonalista.

Għalija bħala storiku, dan narah bħala barra mil-loku. Wisq probabbli min qed jiktbu hekk mhux qed jirrealizza li qed jinsulta lil Borg Olivier għaliex illum l-istorja ntesiet. Biss dan l-ex-Prim Ministru Malti kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu bħala Giorgio – jiġifieri jikteb ismu bit-Taljan jew inkella kien jgħidu bil-Malti – jiġifieri Ġorġ, imma qatt ma kien jiktbu jew jippronunzjah bl-Ingliż – George.

Hemm raġuni storika. Dawk li jistudja l-istorja jafu bil-kwistjoni tal-lingwa, jiġifieri l-ġlieda storika bejn l-Ingliż u t-Taljan fl-użu tal-qrati u l-kultura. Dawk pro-Taljan, bħal ma kienet il-familja ta’ Giorgio Borg Olivier kienu jużaw l-isem bit-Taljan jew bil-Malti, imma qatt bl-Ingliż. Dan il-fatt jikkontraduċi dak li ġieli nkiteb li dawk pro-Taljani kienu kontra l-Malti per se.

Infatti, kienu dawk pro-Ingliż li kienu jsejħu lil Ġorġ Borg Olivier bl-isem ta’ George u kienu jagħmlu dan biex jiġbdulu saqajh. B’hekk mingħajr ma ħafna qed jindunaw, meta jsejħu lil Ġorġ Borg Olivier bħala “George”, fl-opinjoni tiegħi qed ikunu jinsultaw il-memorja storika tiegħu. B’hekk Ġorġ Borg Olivier kien qed ikun imsejjaħ Ġeorge, meta kien qed jissielet kontra d-diplomazija Ingliża, b’unur kbir għalih u b’ġid kbir għalina li ġab għal Malta l-Indipendenza. Kien f’dan il-waqqgħiet li kien jiġi msejjaħ George mill-Ingliżi biex bħal li kieku jirredikulawh.

Naħseb li l-ġenerazzjoni li tiela’ trid tkun kapaċi tirrejalizza dawn l-affarijiet li jiġu mit-tagħlim xieraq tal-istorja u fuq kollox tal-ħsieb politiku. Biss Ġorġ Borg Olivier kien politiku viżjunarju Malti li beda l-mixja tal-progress għall-pajjiżna. Naħseb li wassal iż-żmien biex napprezzaw aktar l-istorja ta’ pajjiżna u forsi dawn it-tip ta’ posts nevitawhom għaliex inaqqsu mis-serjeta’ li naħseb għandha jkollna lejn persuni kbar, bħal Borg Olivier, b’mod partikolari minn persuni li qed jaspiraw li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista. Dan kien il-messaġġ anki ta’ xi uħud li ma qabblux ma dan it-tip ta’ posts. Għaliex anki jekk posts jittellgħu b’intenzjoni tajba, xorta dak li jibda bħala ċajta, l-istorja tgħallem li jista’ jwassal għall-ingratitudni u wara l-insulenza.

Infakkar li fl-Ingliterra, ix-xellug beda din il-mixja kontra dawk li kienu mitqiesha bħala figuri storiċi kbar, bħal ma hu Winston Churchill minn azzjonijiet żgħar.

Lil Borg Olivier għandna nibqgħu nqisuh bħala missier politiku tagħna u ma nħallu lil ħadd, hu min hu jew hi min hi, biex jipprova jażżarda jinqeda bih biex jagħmel xi ‘joke’. Nemmen li jekk persuna jħobb lill-pajjiżu għandu dejjem turi rispett lejn l-ikoni tan-Nazzjon Malti, li tant ħadmu biex jagħtuna stat sovran u indipendenti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *