Karol Aquilina jammetti li Bernard ser jitlef u Robert ser jerbaħ l-elezzjoni
Il-bieraħ, waqt konferenza stampa, Karol Aquilina ammetta li l-Partit Nazzjonalista ser jitlef l-elezzjoni li jmiss. Hu akkuża lil Robert Abela li neħħa lil Rosianne Cutajar minn segretarju parlamentari imma fl-istess waqt, Karol Aquilina implika din hija azzjoni temporanja għaliex qal li wara l-elezzjoni li jmiss, Robert Abela ser jerġa jagħmilha segretarja parlamentari. X’ifisser dan? Dan ifisser żewġ affarijiet.
L-ewwel li Aquilina jaf li Robert Abela ser jerbaħ l-elezzjoni. Biex ikun jista’ jerġa’ jagħmilha segretarja parlamentari jfisser li jrid ikun rebaħ l-elezzjoni.
It-tieni jfisser ukoll li Rosianne Cutajar ser titħalla toħroġ mal-Partit Laburista u ser tkun eletta. Jien ma għandix dubji li hemm manuvri kontra Rosianne Cutajar min-naħa tal-Partit Laburista. Biss jidher li Karol Aquilina qed jirrikonoxxi li dawn il-manuvri li qed isiru kontra Cutajar biex titlef postha fil-sitt distrett elettorali ser ifallu. Infakkar li dan hu d-distrett ta’ Aquilina għaliex ma’ Ħal Qormi hemm is-Siggiewi. Biss dwar dawn il-manuvri kontra Rosianne Cutajar nitkellem fi blog separat.
