Metsola normalment tikteb aħjar!
Blog post minn osservatur politiku
Roberta Metsola tatna l-ħsibijiet tagħha fuq il-gazzetta Illum nhar il-Ħadd 4 ta’ Lulju dwar l-FATF. Skond din l-MEP, li aħna konna se nispiċċaw fuq il-lista l-griża kienet ovvja. Verament għaddejna minn 55 ostakolu imma weħilna minn tlieta. Mela l-mistoqsija tiġi waħidha. Għala kienet ovvja li mhux ser ngħaddu minn ħafna meta fil-fatt weħilna minn dawk it-tlieta?
L-MEP saħħqet kemm felħet fuq l-azzjoni imma ma qalitx fl-artiklu tagħha liema azzjoni kienet qed tirreferi għaliha. Dr. Metsola rreferiet għal dak li qal il-Prim Ministru li hu ma jiġġustifikax il-Panama Papers. Tkompli tgħid li hi tistenna azzjoni mill-Prim Ministru u mhux dikjarazzjonijiet biss.
Iżda hemm punti li wieħed kont nistenna li jkun żviluppati aktar minn Dr. Metsola. L-ewwel jew x’ħidma għamlet hija biex tgħin lil Malta, f’termini ta’ lobby barra minn pajjiżna? Huwa sew li tgħid u tikteb li l-Partit Nazzjonalista ried aktar azzjoni u ħafna aktar miżuri. Li riedu ħafna aktar infurzar. Imma kif? Wieħed jitlob u jistenna suġġerimenti u aktar spjegazzjoni. Infatti, inħares ’il quddiem biex naqra dwar il-proposti ta’ Dr Metsola f’dan ir-rigward.
Kont nistenna referenza lejn l-affidavit li għamel avukat, ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, rigward ta’ dak li qalet martu fuq il-kontijiet fil-Panama. Metsola hija persuna li dejjem attribwiet verita’ lill-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia. Issa għandna affidavit ta’ żewġha fejn qed jgħid li mhux kull min fetaħ kont il-Panama għamel xi ħaġa ħażina. U dan qalu fir-rigward tal-allegat ftuħ ta’ kont fil-Panama mill-mara ta’ l-ex-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan hu punt li kont nistenna l-media indipendenti u anki l-MEPs tagħna, inkluż Metsola biex titkellmu aktar fuqu. Suġġeriment żgħir tiegħi lill-avukat Metsola. Evita r-retorika tan-negattivita’ ta’ Bernard Grech.
B’hekk meta taqra dan l-artiklu, bħal ma trid tibda taħseb li dan ma nkitibx minn Roberta Metsola iżda mingħand ħaddieħor. Jien li nsegwi l-kitbiet tagħha jkolli ngħid li kien hemm ħafna drabi fejn kitbet aħjar.
Infakkar li l-unika proposta li ħareġ biha Bernard Grech kienet il-famuża task force u wara sirna nafu mingħand il-Ministru tal-Finanzi li din kienet ġa teżisti. Sirna nafu anki li f’dan l-aħħar ġranet, il-ministru kompla jdaħħal aktar speċjalisti fiha.
Issa x’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista? Se jkompli jsostni li jrid task force tiegħu u jistenna lill-Gvern jingħaqad miegħu jew jipprova jesiġi li jkun fuq dik li diġa’ teżisti tal-Gvern? Jew din it-task li waqqaf il-Partit Nazzjonalista ser jiġrilha bħal ma ġralha t-task force fuq il-Covid19 u ma tiltaqa’ qatt? U jekk jiġi aċċettat li din tkun parti mit-task force ta’ nies speċjalizzati, li kif għadna diġa’ teżisti, lil min se jinnomina l-Partit Nazzjonalista? Mhux billi npaċpċu, il-Partit Nazzjonalista jrid ikun kostruttiv fil-kritika tiegħu u lest għal kull mossa politika.
Roberta Metsola għamlet elenku fl-artiklu tagħha x’jeħtieġ isir. Qalet lill-Gvern li jrid ibiddel, jimplimenta, ma jwebbisx rasu, ma jimpikax, jara li l-istituzzjonijiet jaħdmu, jikkoreġi dak li sar ħażin, jdaħħal ħafna aktar inizjattivi, jinforza, juża l-ġustizzja, joffri soluzzjonijiet u jindirizza n-nuqqasijiet. Imma dak li l-qarrejja ifittxu huma s-suġġerimenti u mhux diskors sabiħ. Dak li jfittxu huma azzjonijiet. Fuq dan ma hemm xejn.
Dak li hu importanti li ma tingħatax l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista u l-MEPs tiegħu huma xi ‘an armchair critics’. Għalija, meta wieħed jikteb li
“Pajjiżna għandu jassigura l-indipendenza u l-imparzjalita’ tar-regolaturi u l-istituzzjonijiet tagħna jeħtieġ ikunu imħarsa u rispettati dejjem u ma jerġgħux jitpoġġew fid-dell. Biex nilħqu dan iżda jeħtieġ nagħmlu bidla legali u kulturali”.
Aktar milli qed ikun indipendenti, dan id-diskors juri li pajjiżna qed ikun aktar servili għal dak li qed tgħidlu l-Ewropa.
Dr Metsola talbet għal aktar tibdil legali. Dak li hemm bżonn u din hija xi ħaġa li ma qalitx Metsola hija li dawk l-istituzzjonijiet li ġew maħluqa bil-liġi biex jissalvaggwardjaw kontra l-abbużi jingħata n-nies biex jaħdmu. Hemm hija vera l-problema.
Biss jidher li ħafna fil-parlament, mhux biss fuq in-naħa tal-Gvern imma anki fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni għandhom interess li dawn ma jkollhomx nies biex jħadmu għax jekk verament jaħdmu huma stess jiġu fl-inkwiet, għaliex fuq iż-żewġ naħat hemm deputati li ilhom jevadu t-taxxa. Hemm deputati li għandhom problemi ma’ tal-VAT. Hemm deputati li qegħdin taħt investigazzjoni mill-VAT imma għax deputati, kollox jinsab iffrizat. Bħal ma hemm MEP li qatt ma ġie investigat għall-parties li kien jagħmel.
B’hekk naqbel magħha li “jeħtieġ li l-individwi li jintgħażlu biex imexxu l-istituzzjonijiet ikunu korretti, jimxu b’etika, jagħrfu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin u jagħmlu l-għażliet it-tajba”.
Dawk li ngħażlu kienu fil-maġġoranza nies tajbin biss ma naħsibx li dejjem ingħataw ir-riżorsi biex ikunu jistgħu jaħdmu sew! Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista’ irid jara li fejn huwa għandu d-dritt li jinnoma l-osservaturi tiegħu, jinnomina osservaturi tajbin u mhux jużaw dawn il-postijiet bħala xi rigal minħabba li dawk innominati għandhom salarju extra tajjeb x’jieħdu.