Mario Galea kien profetiku sentejn snin ilu

Il-vanġelu ta’ nhar il-ħadd li għadda kien dwar il-profeti u li ‘nemo profeta in patria sua‘ – jew l-ebda profeta ma hu milqugħ f’pajjiżu. (Luca 4, 24; Matteo 13, 57, Marco 6, 4, Giovanni 4, 44). Persuna li kienet profetika u forsi għalhekk illum hija mwarrba mill-Partit Nazzjonalista huwa d-deputat Mario Galea. Ħa nfakkarkom ftit fil-kliem profetiku li kiteb fit-18 ta’ Ġunju 2019 fil-Malta Today dan id-deputat:

Some PN MPs believe they have divine right to lead the party”.

Kemm kellu raġun dan id-deputat ftit iktar minn sentejn ilu! Huwa kien kompla jgħid li jispera li l-istorja tiġġudika l-azzjonijiet ta’ sħabu deputati, li ma riedux jaċċettaw l-għażla tat-tesserati meta għażlu lil Dr Adrian Delia bħala kap. Bil-fors ikollok issejjaħlu kliem profetiku ġej minn qalb ta’ Nazzjonalist ta’ veru li kien u għadu tant qrib in-nies.

Mario Galea kien qal li kien hemm kampanja sistematika u organizzata minn xi deputati biex ma ħallux lil Adrian Delia jaħdem. Kemm inkixfu ħelu ħelu dawn il-ġakbini fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Dan hu dnub li ma jinħafer qatt. Kemm inkixfu borom b’informazzjoni ta’ konfoffi u laqgħat mistura minn grupp ta’ membri tal-Partit Nazzjonalista. Mario Galea dak iż-żmien kien qal, li dan il-grupp elitista fil-Partit Nazzjonalista kien jaħseb li għandu d-dritt divin li jmexxi lill-partit. Tbiddel xi ħaġa llum? Taħsbu li dawn ma għadhomx hemm jikkonfoffaw kontra l-kap preżenti?

Kieku Dr Bernard Grech ma kienx jispiċċa b’ħames deputati biss jgħinuh u jaħdmu miegħu. Biss hemm differenza kbira bejn dak li qed jiġri llum u dak li ġara sentejn ilu, meta Mario Galea kien qal dan kollu. Dak iż-żmien riedu jherru bniedem għax daħlilhom fl-għalqa. Illum qed jehru bniedem ieħor li daħħluh huma fl-għalqa. Allura meta kontra Delia kienu sfaċċati u oxxeni, issa, li hemm Bernard Grech li poġġewh huma, qed jaħdmu bil-kalma u mingħajr ħafna paroli u rikjesti.

Kemm niftakru tajjeb kull meta talbu lil Adrian Delia għal pjan wara pjan kif se jsolvi l-problemi tal-partit. Dak iż-żmien kienu jridu kollox bil-miktub mill-kap tagħhom. Riedu kollox malajr u konna l-bogħod minn elezzjoni ġenerali. Illum le. Illum kollox bil-mod u xejn bil-kitba. Ebda talba lil Bernard Grech kif se jsolvi l-problemi tal-partit li żdiedu f’kull qasam. Issa ma hemmx għaġġla għall-klikka u l-establishment. Issa waslet l-elezzjoni li jafu li se jitilfu, u se jkunu kuntenti li l-istess elezzjoni se teħlishom minn Bernard Grech b’mod awtomatiku u mingħajr il-bżonn li joqgħodu juru l-ħdura tagħhom kontra l-magħżul u l-midluk tagħhom.

Kienu kuntenti li jtajru kap li tela’ b’għażla bla preċedent bil-vot tat-tesserati u jpoġġu ieħor li bena’ l-kampanja tiegħu fuq ħabi ta’ evazjoni tat-taxxa, problemi tal-VAT u kampanja mibnija fuq gideb kontra l-avversarju fit-tellieqa tiegħu. Kemm qegħdin sewwa. Partit demokratiku li għad irid jiġġudika grupp ta’ deputati li ħadmu kemm felħu kontra mixja demokratika. Fejn tista’ tasal iżjed li d-deputati ta’ partit demokristjan la jaċċetta vot demokratiku u lanqas kien kapaċi jkun kristjan billi jirrispetta l-vot u d-deċizzjoni tal-votanti.

Mario Galea ħadt pjaċir nerġa’ naqra dawk il-kummenti tiegħek wara sentejn. Kemm kellek raġun. Kemm int bniedem li tħoss għan-nies għax dejjem qalb in-nies. B’dak li sar batew ħafna Nazzjonalisti għal tliet snin sħaħ. Issa b’dak li qed isir in-numru ta’ Nazzjonalisti li huma mweġġgħin żdid u dawn l-istess deputati stinati u bla kuxjenza għadhom jiġu jaqgħu u jqumu minn dak kollu li qed jiġri llum. Dak in-nhar kissru kap. Illum qed ikissru kap ieħor, u fil-frattemp kissru partit sħiħ. Illum Il-Partit Nazzjonalista ma għadux jintgħaraf. Illum dan il-partit huwa d-dell tal-partit glorjuz li trabbejna miegħu u li dejjem ittamajna fih. In-Nazzjonalisti għandhom biex ikunu ddispjaċuti b’dak kollu li rnexxielhom jagħmlu dawk tal-klikka qlafat u egoisti li ma jafux xi tfisser li tkun politiku ta’ stoffa, għax politikament dawn in-nies huma biss dilettanti.

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/95749/watch_some_pn_mps_believe_they_have_divine_right_to_lead_the_party_mario_galea_says?fbclid=IwAR2L2Fe1dxDgVhEny2zXrrm_HY7qDMwaDrOz_aYMUItM_H_Qt2ftgCVZHyY#.YONsJugzZPY

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *