Joe Giglio ġie attakkat għaliex ħiereġ għall-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

L-avukat Joe Giglio infurmana li, wara li tkellem mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jipprova jersaq iżjed fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista billi tefa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjoni tal-Kumitat Esekuttiv tal-istess partit. Dr. Giglio qal li bi ħsiebu jkompli l-vjaġġ politiku tiegħu b’impenn iktar qawwi u jipprova jidħol fl-esekuttiv, li huwa l-kumitat prinċipali fejn issir il-politika tal-Partit Nazzjonalista. Jiena naqbel mal-pass li qed jieħu Dr. Giglio. Il-Partit Nazzjonalista qed jibki għal nies ta’ dan il-kalibru u ta’ dan l-impenn.

Dħalt fuq il-Facebook page tiegħu u hija xi ħaġa sabiħa li tara ħafna likes u kummenti ta’ kuraġġ. X’irid iżjed il-partit? Għandu għax ikun kburi dan il-partit li sab kandidat ta’ din l-istatura li wiegħed, bla ebda kondizzjoni, li jiddedika ħin ta’ fejda għall-Partit Nazzjonalista. Kandidati ġodda bħal Dr. Giglio għandu jiġu murija rispett mill-elettorat kollu Malti. Jien persważ li anke sostenituri tal-Partit Laburista li kandidati ta’ dan il-livell joffri servizz mhux biss lill-Partit preferut tagħhom imma lill-pajjiż. Jiena b’wiċċi minn quddiem nirringrazzja lil Dr. Giglio u lil dawk kollha li l-viżjoni tagħhom hija l-pajjiż, tramite partit politiku tal-għażla tagħhom.

Imma l-imħabba lejn il-pajjiż tressaqhom għal deċizzjoni onorabbli. Biss f’pajjiżna ħafna eletturi ma jarawx affarijiet bħal dawn mill-istess lenti. Hemm min jieħu fastidju għax avukat ta’ livell għoli u reputabbli jersaq lejn il-politika. Hawn min tuġgħu żaqqu għax xi ħadd ta’ stoffa jieħu din id-deċizzjoni. Huwa ovvju li dawn in-nies ikunu votanti viċini ħafna ta’ kandidati oħra fl-istess partit u fuq l-istess distrett. Għaliex sewwa jgħidu fil-politika li f’elezzjoni ġenerali l-akbar avversarji tiegħek m’humiex dawk ġejjin minn partiti politiċi oħra, imma huma dawk li ġejjin mill-istess familja tiegħek.

Xi dwejjaq ta’ nies! Flok jieħdu pjaċir bil-ġid li jistgħu jagħmlu għall-partit u għall-pajjiż, dawn il-kwalita’ ta’ kandidati, joħorġu qatta’ bla ħabel kontra dawk il-kandidati tal-istess partit tagħhom. Fil-fatt l-attakki kontra Dr Joe Giglio f’WhatsApp Groups tal-Partit Nazzjonalista, ħa nagħmilha ċara mhux tal-Partit Laburista, bdew meta xi ħadd minn madwar Bernard Grech, wassal il-messaġġ li Dr. Giglio kien iltaqa’ mal-kap tal-partit. Dan il-messaġġ kien fih dik l-informazzjoni li donna urtat diversi nies fil-qalba tal-klikka u tal-establishment. Tant hu hekk li kif appena dawn l-ilsna ħżiena xerrdu li Dr. Giglio se jkun kandidat għall-esekuttiv, beda ħiereġ valenu u ħdura inkredibbli. Quo vadis Partit Nazzjonalista?

Kif tista’ tippermetti nies fi ħdanek, oh partit, li jużaw llingwaġġ kattiv biex jattakkaw wieħed minn ħuthom? Bla ma trid tasal għal konklużjoni li l-ħdura li kien hemm u għad hemm lejn Dr Adrian Delia għadha tiġri fil-vini ta’ ħafna Nazzjonalisti. Li qed jagħmlu dawn in-nies viljakki hu, li qed ixandru li jekk xi ħadd jivvota għal Dr. Giglio ikun qisu qed jivvota għal Dr. Adrian Delia. Ara fejn tasal il-kattiverja ta’ ċertu nies li jissejħu Nazzjonalisti! Ħsieb wieħed jiġi f’moħħok – hekk taħdem il-klikka, hekk jaħdem l-establishment. Minflok ma raw u rrealizzaw li Dr. Joe Giglio jista’ jkun parti integrali mis-salvazzjoni tal-partit, il-klikka magħqudin mal-establishment, ħarġu kontra tiegħu bi ħdura. Barra minn hekk Dr. Giglio, bħala persuna friska fil-politika u fil-Partit Nazzjonalista, jista’ jkun il-persuna li tagħti daqqa t’id tajba u fejjieda biex il-Partit Nazzjonalista jinbidel u jsib il-fejqan tiegħu. Imma għall-kuntrarju, il-klikka, l-establishment u s-sostenituri tagħhom, ħarġu bi ħġarhom kontra tiegħu u qed jippruvaw ikissruh biex ifalli fl-ewwel passi politiċi tiegħu.

Leave a Reply