L-ex-Kandidat Nazzjonalista Alan Abela-Wadge jikkritika lil Bernard Grech

L-ex-kandidat Nazzjonalista u anti-Delia, Alan Abela-Wadge il-bieraħ tella’ artiklu fuq il-ġurnal elettroniku tal-Partit Laburista. Hu artiklu interessanti li wieħed jaqrah.

Infakkar li l-mara ta’ dan ex-kandidat Nazzjonalista wkoll offriet is-servizz tagħha lill-Partit Nazzjonalista biex toħroġ kandidata għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, imma minħabba raġunijiet li xandret pubblikament, kellha tirtira l-kandidatura tagħha.

Infakkar wkoll li meta jien kont nikteb favur Delia, Abela-Wadge kien jippostja u jgħid li jien Faxxista. Infakkar li meta kont nikteb favur Delia, kont niġi mgħajjar mill-ħbieb ta’ Abela-Wadge li jien qiegħed fil-but tal-Partit Laburista u saħansitra kien ġie xxerjat ritratt tiegħi meħud fil-programm ta’ Karl Stagno-Navarra. Qatt ma qalu li meta mort fuq dak il-programm mort niddefendi lill-Partit Nazzjonalista.

Biss jien mhux ser ngħajjar lil Abela-Wadge li sar Laburist għax kiteb fil-ġurnal elettroniku bl-Ingliż tal-Partit Laburista. Sewwa għamel. Biss xorta ma nistax ma nagħmilx numru ta’ mistqosijiet lil Abela-Wedge.

L-ewwel mistoqsijiet li ried nagħmel hija għala dan l-ex-kandidat Nazzjonalista kellu jirrikorri għall-ġurnal tal-Partit Laburista biex jesprimi ħsibijietu? Possibbli l-Partit Nazzjonalista spiċċa ma jħalliex kritika interna ssir? Jista’ jkun li Alessandro Farrugia waqqaf lil Abela-Wadge li jikteb ħsibijietu fuq xi mezz ġurnalistiku tal-Partit Nazzjonalista?

Alan Abela-Wadge qed jikteb bħala ex-kandidat li erba’ snin ilu kien fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali u li ilu jaħdem b’mod dirett fil-Partit mill-2001. Abela-Wadge ddikjara li x-xewqa tiegħu hi li jara lill-Partit Nazzjonalista jixxejkja waħda sew lilu nnifsu, biex jara lill-Partit Nazzjonalista ikun denju li jagħti ġlieda tajba lill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan l-ex-kandidat jiftakar iż-żminijiet sbieħ ta’ meta l-Partit Nazzjonalista kien magħqud b’viżjoni waħda, dik li Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

Abela-Wadge jammetti li wara li l-Partit Nazzjonalista laħaq dak it-tragward tilef kull focus li seta’ kellu. Alan Abela-Wadge fl-artiklu tiegħu jammetti li l-Partit Nazzjonalista, wara ir-rebħa tal-2008 bi tqanżiħa kbira, ma kienx kapaċi jiġġenera ruħu. Huwa fisser li l-Partit ma tgħallem xejn minn dik ir-rebħa ta’ ftit mijiet. Baqa’ għaddej qisu ma ġara xejn u minn wara r-rebħa fl-2003 tar-referendum fuq l-Ewropa u l-elezzjoni ġenerali li kienet saret wara, spiċċa jnaqqas l-appoġġ tiegħu tant li laqqat telfa enormi fl-2013. Mela allavolja għajjarni Faxxista spiċċa jaqbel ma’ dak li qed nikteb f’dan il-blogg!

Abela-Wadge ikompli jsostni li l-Partit Nazzjonalista ma mexiex maż-żminijiet u għalkemm tbiddlu l-kapijiet u għaddew tant elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista baqa’ ankrat u ma mmodernizza fl-ebda qasam, li seta’ forsi jagħmillu ħafna ġid. Forsi hawn fejn ma naqbilx miegħu, għaliex naħseb li wieħed minn dawk l-oqsma li Abela-Wadge irid lill-partit Nazzjonalista jimmodernizza huwa l-abort.

Imma l-ikbar kritika ta’ Abela-Wadge hija lejn id-deputati tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sur Abela Wadge jgħid li waqt li l-Partit Laburista fil-Gvern ma waqaf qatt jirriġenera lilu nnifsu minn mindu ħa l-Gvern fl-2013, il-Partit Nazzjonalista staġna. Tant hu hekk li huwa jikkonferma li meta se jersaq għall-elezzjoni li ġejja, l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jippreżenta ruħu b’kandidati li kienu wara t-tkaxkiriet enormi tal-2013 u fl-2017. Kull ma rnexxielu jagħmel il-Partit Nazzjonalista huma ftit tibdiliet kosmetiċi li ma jwasslu għal ebda tibdil ta’ sustanza. L-indħil u l-impożizzjoni ta’ dawk id-deputati telliefa f’elezzjonijiet ta’ qabel, ma ħallewx demm ġdid jidħol fil-Partit Nazzjonalista.

Araw id-differenza fil-Partit Laburista li se jersaq għall-elezzjoni ġenerali li ġejja b’line up ta’ kandidati kważi totalment differenti minn dak tal-2013 u anke msaħħaħ u mnaddaf mill-2017. Alan Abela-Wadge jagħmel referenza saħansitra għall-għola pożizzjonijiet li preżentament huma mimlijin minn dinosawri.

Dan l-ex-kandidat tefa’ botta ċara lil Bernard Grech, jiġifieri lill-istess kandidat li ħadem biex jieħu t-tmexxija ta’ dan il-partit. Huwa qal lil Dr Bernard Grech li hu ma huwiex se jsemmi min, minn dawn id-deputati, għandhom iżarmaw bil-kwiet, imma hu jinsab ċert li Bernard Grech jaf min huma. Biss il-kap preżenti qal li se jieħu deċiżżjonijiet drastiċi, imma baqa’ fuq livell ta’ kliem fieragħ u ma għadda qatt għall-fatti. Kull raġuni saret valida biex dawn id-deċiżżjonijiet ma jittieħdux u r-riżultat se jkun li fl-elezzjoni li ġejja se nsibu l-istess ismijiet tad-dinosawri fuq il-karta tal-vot.

Abela-Wadge ikkonferma u rrepeta li l-Partit Nazzjonalista, li kieku ħaseb, irriġenera, immodernizza u tħalla jaħdem, suppost qiegħed f’sitwazzjoni li jgħati sfida tajba lill-partit fil-gvern. Mhux dan li pprova jagħmel Adrian Delia? Mela għala ħdimt kontra tiegħu Sur Abela-Wadge u għajjart Faxxisti lil min kien favur din in-new way?  

Imma survey tal-lum qed juri li l-Partit Laburista se jkun qed jiċċelebra rebħa oħra dalwaqt. Il-Partit Nazzjonalista tilef ġenerazzjoni ta’ politiċi għax ma tħallewx jaħdmu għal snin twal. Meta kien hemm kap li prova jieqaf lil ċertu nies u jistieden uċuh ġodda ħaduha kontrieh sa x’ħin kissruh.

Alan Abela-Wadge xorta ħass li għandu jgħaddi parir lill-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li jekk ma rrispettajtux lilu u l-ġenerazzjoni tiegħu, forsi dak ma jimpurtax, imma almenu rrispettaw lil pajjiżna.

Irriġeneraw qabel tkomplu tiddisintegraw. Fil-każ ta’ Abela-Wadge verament joqgħodlu is-saying Ingliż – The chickens have come home to roost – jew il-flieles ġew lura d-dar biex issa jbejdu! Jew kif ngħidu fil-Malti – ‘ġie fi kliemi!’

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *