Is-survey tat-Torca jikkonferma xi żball kbir kien li tkeċċa Adrian Delia
Li tażżarda tipprova taqra l-futur ma jagħmel ebda sens. Biss li tipprova timmaġina x’se jiġri mill-Partit Nazzjonalista fi ftit xhur oħra, u aktarx wara l-elezzjoni ġenerali, ma tantx donnu hu diffiċli ħafna. Dan is-survey tat-Torca qed jikkonfermaw li dan hu partit li qed jitmexxa b’tant pompożita, b’tant arroganza, b’nuqqas ta’ ħsieb u b’nuqqas kbir ta’ strateġija. L-establishment ġie bil-patata barra waħda sew. Il-kap qed jagħmel gaffe kull ġimgħa. Imbagħad wieħed ma jistkantax b’survey ieħor ħażin għall-Partit Nazzjonalista.
Dan is-survey qed jikkonferma dak li qalu surveys oħra, li Bernard Grech u sħabu ma għadhomx b’saħħithom. Hawn nistaqsi x’ser jagħmel issa l-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wara survey ieħor negattiv fejn id-distakk kompla jikber? Ser jitlob ir-reżenja tal-kap? It-tweġiba hija li mhu ser jagħmel xejn għaliex l-establishment hu maħtuf mill-klikka. Allura f’dan il-forum, fejn suppost issir u tiġi diskussa l-politika, qed isir dak li jgħid l-establishment.
Dan qed ngħidu għax illum tant ġie bla snin l-esekuttiv li jitressaq x’jitressaq jgħaddi żgur għax il-membri ta’ dan il-kumitat lesti li jgħidu signor si għal kollox, basta tkun ġejja mill-establishment. Żgur li l-esekuttiv ser jagħlaq għajnejh wara survey ieħor disastruż. Permezz ta’ hekk, l-establishment qed jaħseb li jista’ jibqa’ jikkmanda. Dan huwa riżultat tar-ribelljoni li saret kontra Adrian Delia. Biss dan wassal biex din il-fazzjoni li ħaditha kontra Delia spiċċat maqsuma fiha nnifisha. Kif jgħid Kristu, Saltna maqsuma fiha nnifisha ma tistax iżżomm. (Mark 3:24) Aħseb u ara kif jista’ jżomm partit fuq saqajh maqsum fi tliet biċċiet!
B’hekk qed issir ħafna ħsara lill-Partit Nazzjonalista u dawn is-surveys huma konferma ta’ dan kollu. L-establishment ma tantx qed iħarsu lejn illum għax jafu u huma diġa’ippreparati għal tkaxkira oħra. Jafu wkoll li ma jistgħu jieħdu ebda deċiżżjoni issa għax jafu wkoll li elezzjoni tista’ tasal fi ftit żmien. Jafu li ma jista’ jagħmlu xejn kontra Adrian Delia, għaliex flok ddgħajjaf, dan il-politiku, aktar qed ikompli jissaħħaħ fil-Partit Nazzjonalista. Mela dawn is-surveys ħżiena mhux ħtija tiegħu!
Jekk qabel setgħu jaħbu, b’dawn is-surveys hemm konferma li qed jiżvintaw mill-voti, imma ma jimpurtahomx. Biex jipproteġu ġieldhom, lesti li jissograw li l-Partit Nazzjonalista issirlu ħsara irreparabbli. Dawn ma huma se jammettu qatt bl-iżball enormi li għamlu. Għandhom ġenn biex tiġi l-elezzjoni ħalli ma jkomplux jitilfu voti. Ħsiebhom biss fuq il-pjanijiet ta’ x’se jagħmlu wara l-elezzjoni. Il-partitarji Nazzjonalisti jafu wkoll li l-establishment qed jaħdem id f’id mas-soċjeta’ ċivili u Repubblika, iffurmata minn ex-politiċi direttament involuti fil-Partit Nazzjonalista. Magħqudin flimkien fuq l-istess ħsieb kienu diġa’ għażlu il-midluk/a li għalissa poġġewha wara l-kwinti tistenna l-mument propizju. Biss naħseb li dawn is-surveys qed iħassrulhom il-pjanijiet tagħhom.
Li ġralhom żgur hu li ħadu falza stikka kbira. Dawn in-nies arroganti u b’turija ta’ nuqqas ta’ mħabba vera lejn il-Partit Nazzjonalista, forsi qatt ma mmaġinaw li ser ikollhom dawn is-surveys kollha negattiv fi żmien daqshekk qasir. Ara l-għerf strateġiku ta’ dawn in-nies fix wassal lill-Partit Nazzjonalista! Dawn lanqas biss fehmu li, hemm min hemm kap, il-kandidati tal-elezzjoni ġenerali, fuq livell individwali se jiġru wara kull vot. Dawn mhux mill-partit impurtahom, imma li jitilgħu huma. Jimpurtahom biss biex ipoġġu fuq il-pultruna ħadra fil-Parlament. Imma il-ġlieda għall-voti trid issir f’isem il-partit u mhux għall-glorja personali u individwali tagħhom.
Hemm min hemm kap, il-ġiri għall-voti xorta se jsir. Imma l-establishment u s-soċjeta’ ċivili qed jinsew ħaġa waħda. Dawn kienu u għadhom jaħsbu li huma xorta ser jagħżlu l-midluk jew midluka tagħhom, u kulħadd ser ikun kuntent u ferħan. Is-surveys qed juru xort’oħra. Dawn fl-arroganza tagħhom, qed jaħsbu li l-votant Nazzjonalist se jerġa’ jemminhom u jafdhom? It-tweġiba tinsab għal darba oħra f’dan is-survey.
Illum il-votant Nazzjonalista qed jinduna li l-establishment, kif ukoll is-soċjeta’ ċivili, huma l-veru problema tal-Partit Nazzjonalista. Dawn dejqu u qażżew lill-elettorat Malti bl-għażliet ħżiena tagħhom. Il-votant Nazzjonalist qed jitlef kull fiduċja u allura l-għażla li beħsiebhom jimponu ma tantx se tinżel tajjeb u mhux ser tkun aċċettata. Sakemm dawn jibqgħu marbuta mal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jimxi ‘l quddiem. Meta tiltaqa’ man-nies fit-toroq tagħna ħafna qed jgħidu li jippreferixxu persuna oħra li biex jipprova jsalva lill-partit, bniedem umli, ġentlom u bla preżunzjonijiet u bla tbajja li jistgħu jtellgħuh kap. Ħafna qed iħarsu għalhekk lejn kandidati ġodda. Fuq kollox, ħafna qed jagħrfu xi żball kbir kien li tkeċċa Adrian Delia, politku li beda bil-mod jibni maturita’ u abilta’. Biss ma ħallewx jgħaqqad u jdawwar miegħu gruppi mill-elettorat li setgħu jwasslu biex il-PN jerbaħ l-elezzjoni li jmiss.
Dawn is-surveys qed juri li l-votant Malti u Għawdxi huwa sovran. Dawn is-surveys ma tantx jagħtu tama lill-klikka ta’ opportunisti li ħatfet lill-Partit Nazzjonalista. Bil-mod il-mod din il-klikka qed titlef s-saħħa tagħha anki mat-tesserat tal-Partit Nazzjonalista. U hawn wasal iż-żmien li t-tesserati jridu joqgħod attenti u jkunu bil-għaqal. Ma jistax jkun li jħallu iżjed lill-establishment u s-soċjeta’ ċivili tiddettalhom l-aġenda.
Wasal iż-żmien li t-tesserati Nazzjonalisti iħarsu lejn il-ġid tal-partit u mhux tal-klikka. Dan hu dak li dawn is-surveys qed jgħidulhom. Jekk it-tesserati u l-votanti Nazzjonalisti se jibqgħu jħallu f’idejn klikka bla skupri, se jasal iż-żmien propizju li l-Partit Nazzjonalista jkompli jitlef il-voti. Ma naħsibx li l-Partit Nazzjonalista jista’ jinqasam. Dawn is-surveys qed juru li l-establishment u s-soċjeta’ ċivili ma jistgħux jagħmlu partit għalihom għaliex jekk jagħmlu hekk jisparixxu mix-xena politika. B’hekk iridu jżommu posthom fil-Partit Nazzjonalista. Imma aktar ma jgħaddi ż-żmien, it-tesserati Nazzjonalisti qed jindunaw xi żball kbir kien li tkeċċa Adrian Delia. B’hekk waqt li s-soċjeta ċivili ser tkomplu tinqasam u tiddgħajjaf, Adrian Delia u l-grupp tiegħu ser ikomplu jissaħħu kontra kull previżżjoni li għamlu dawn l-istrateġisti ta’ nofs kedda.

MIN JAFFEG GHANDHOM KEMM TRID TAL PN