Għaliex segwaċi ta’ Delia jiġu mgħajra żibel u Giglio jiġi mżeblaħ minn kanvażer ta’ Jason Azzopardi?

Blog post minn Paul Borg.

Il-bieraħ, b’dispjacir, ġew f’idejja ċerti screenshots mid-diskors li jsir fuq il-whatsapp group chat tal-kumitat sezzjonali Nazzjonalista ta’ San Ġwann. Ċertu Charles Mifsud għamel riferenza għall-blog post li tellajt fuq din il-pagna xi ġranet ilu fejn iddikjarajt li minkejja kollox, ser inkun qed nivvota lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Kien pront irrisponda ċertu Norbert Dalli, li ta parir lil dan Mifsud biex ma jagħtix każ ‘żibel’ bħali. Jien nistaqsi – fejn kien Dalli meta l-partit kien immexxi minn Adrian Delia? Peress li jien inħobb naqbad il-barri minn qrunu, iddeċidejt li nikkuntattja lil dan Norbert Dalli u nistaqsih għaliex kien irrefera għalija bħala ‘żibel’. Tlabtu jiltaqa’ miegħi fejn u meta jkun kumdita’ tiegħu ħalli nispjegalu eżatt u bir-rieda tajba kollha għaliex jien nħoss li t-terminu ‘żibel’ ma jixraqlix.

Fid-diskors tiegħu fic-chat, dan sostna li Adrian Delia huwa l-kankru tal-partit u bħala tali imissu jitlaq u jieħu miegħu dawk li huwa kkalkula 5000 segwaċi. Skond hu, billi l-partit jitlef 5000 vot ieħor ma jkun ġara xejn, basta l-partit jitnaddaf. Kompla jiftaħ il-kanuni kontra l-kandidat Joe Giglio u qal lil sħabu tal-kumitat, ‘vote Giglio, get Delia’. Fl-istess waqt, għamel ukoll elogju lil Jason Azzopardi.

Meta rrisponda għall-messaġġ privat tiegħi, dan Dalli qalli li m’għandux ħin x’jaħli ma nies bħali.

Jien personalment bħalissa qed nigri wara kull vot biex ngħin 3 kandidati differenti li ħergin fuq 5 distretti differenti. Dan Dalli jidher li qed jaħdem għal Jason Azzopardi biss għax skond hu, Azzopardi biss qiegħed jikxef il-verita’.

Illum ħareġ survey ieħor li huwa prova oħra tal-medjokrita’ li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Meta attivist Nazzjonalista jgħajjar lil sieħbu fl-istess partit ‘żibel’ wieħed jista’ faċilment jimmagina għaliex ir-riżultati tas-surveys huma daqshekk ħżiena. Jekk għas-Sur Dalli li ftaħar ukoll li m’għandux ħin x’jaħli jitkellem mal-familjari tiegħu stess, 5000 vot u iktar ma jagħmlux differenza lill-Partit Nazzjonalista, nistaqsi liema voti qiegħed jimmira li jressaq lejn il-partit dan l-individwu? Huwa fatt magħruf li l-‘core vote’ tal-PN ma jikkumparax ma’ dak tal-PL.

Issa meta wieħed jattakka nies li ilhom jiffurmaw parti mill-‘core vote’ tal-istess partit għomorhom u żmienhom, insibha diffiċli nimmagina kif bl-istess raġunament, se jressaq il-voti tal-floaters u ta’ nies li qatgħu qalbhom mir-reġim Laburista? Jekk għalih nies bħali li vvutaw Partit Nazzjonalista ħajjithom kollha huma ‘żibel’, b’liema lenti jħares lejn min forsi vvota mod ieħor matul is-snin? X’inhu l-pjan maestuż ta’ dan il-bniedem pompuż li jiġbed lura l-voti li l-PN tant għandu bżonn biex forsi xi darba jerġa’ jikseb il-gvern ?

Is-Sur Dalli ftaħar ukoll li l-ħin liberu tiegħu jużah biex jaħdem għall-partit. Jien nistaqsi, li tgħajjar lil sħabek attivisti militanti fil-partit ‘żibel’ huwa parti minn din il-ħidma? Nistaqsi wkoll lill-kap attwali, Dr Bernard Grech, jekk hux lest li jaċċetta dan it-tip ta’ diskors mill-bażużli tiegħu? Nistaqsih liema u kemm voti intrebħu b’dan id-diskors?

Se jkun hawn min se jgħidli li dan id-diskors missni żammejtu għalija. Se jkun hawn ukoll min se jgħidli li dan id-dikors ma jagħmel xejn ħlief ħsara lill-partit li jien tant inħobb. Nifhem li se jkun hawn min ser iweġġa’. Min qiegħed iweġġa’ pero’, infakkru li jien ukoll, minkejja li meqjus bħala ‘żibel’ minn uhud, għandi d-dinjita’ tiegħi u nweġġa’ wkoll. Meta niġi mgħajjar b’dan il-mod, nitħajjar inwaqqaf il-militanza li dejjem ħdimt biha fil-partit. Bħali qegħdin jiġu trattati eluf oħrajn.

Is-surveys dejjem jiħżienu. Dawn huma prova ta’ dan kollu. Il-Partit Laburista jkompli jikber minkejja l-operat ħażin u oxxen ta’ dan il-gvern. Ir-rispett ma jiswiex flus iżda jiswa ħafna u ħafna voti. Nittama li l-PN ineħħi l-għamad u jinduna b’dan kollu. Nittama li t-tmexxija tal-partit tieħu azzjoni fuq dawn in-nies li ddemonizzaw lil dawk li jgħixu l-lealta’ tagħhom bħala stil ta’ ħajja u mhux bħala għażla ta’ konvenjenża. Jekk il-PN mhux se jkun kapaċi jsolvi l-kriżi interna tiegħu, ma jista’ qatt jaspira li jsolvi l-problemi tan-nazzjon.

Grazzi lil kull min ħa l-paċenzja jaqra l-karba tiegħi.

One thought on “Għaliex segwaċi ta’ Delia jiġu mgħajra żibel u Giglio jiġi mżeblaħ minn kanvażer ta’ Jason Azzopardi?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *