Għaliex il-media ssemmi lil Yorgen Fenech u lir-raġel tal-imħallfa ma ssemmihx?

Għadna kif sirna nafu li Dr Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament sejjaħ laqgħa b’urġenza ta’ Kumitat tal-Parlament li tiegħu hu c-Chairman, biex jiddiskutu r-rapport preżentat lill-Ispeaker minn Dr George Hyzler, il-Kummissarju tal-iStandards dwar il-ksur tal-etika minn Rosianne Cutajar, deputat tal-gvern. Din ġiet allegatament mixlija li għamlet profit minn senserija ta’ bini ta’ proprejta fl-Imdina ta’ €46,000. Barra minn hekk hija wkoll ma kienetx iddikjarat dawn il-flejjes bħala introjtu fir-return tat-taxxa tagħha ppreżentata fil-Parlament. Biex inkunu preċiżi il-Kummissarju tal-iStandards huwa mitlub jippreżenta kwalunkwe rapport lill-iSpeaker meta l-investigazzjonijiet jikkonkludu li kien hemm ksur ta’ etika parlamentari.

Allura minn din il-prassi nafu li Rosianne Cutajar instabet li kissret l-etika mitluba minnha bħala membru tal-Parlament. Dwar dan il-bejgħ qrajna ħafna fil-gazzetti u fil-portals. Il-bejjiegħ fil-każ kienet kumpanija u ix-xerrej kien Yorgen Fenech. Biex inkuna għadna kollox dwar dak li nkiteb, dan il-każ ta’ bejgħ ta’ propjeta qajjem kjas sħiħ għax kien hemm involut bħala xerrej Yorgen Fenech. Kieku ma hemmx Yorgen Fenech, l-anqas biss konna nkunu nafu bih.

Imma Rosianne Cutajar spiċċat ħarqet subgħajja għax kien hemm nies rinomati fit-tranżazzjoni li fuq kollox ma rnexxietx. Imma Rosianne Cutajar xorta laħqet tefgħet fil-but is-senserija. Dan huwa każ li l-media għamlet xalata fuqu u kważi waslet biex tagħti x’jifhem li l-flus li biddlu l-idejn kien imdaħħal fihom Yorgen Fenech. Imma kulħadd jaf li s-senserija li titħallas dejjem mill-bejjiegħ. Jiġifieri huwa pjuttost stramb kif l-attenzjoni tal-media kienet aktar iffukata fuq Yorgen Fenech li hu xxerrej milli fuq il-bejjiegħ.

Ħa nagħti eżempju wieħed ta’ kif qed jaħdmu ċertu nies jew ġurnalisti. Araw x’kiteb fi tweet Ivan Martin ġurnalist tat-Times,

An investigation into @RosianneCutajar has found a prima facie breach of the code of ethics after she allegedly accepted a bag stuffed with €46,000 for helping #DaphneCaruanaGalizia murder suspect buy a luxury Mdina home”.

Mhux ser nidħol fuq il-post ta’ Ivan Martin biss ninsab ċert li Ivan Martin kien ikollu messaġġ aktar b’saħħtu li kieku tagħna informazzjoni – li ma għandix dubju li jaf – dwar minn kien joqgħod fiha din id-dar u kemm għaddiet minn idejn differenti. Dan kien ikollu aktar valur għad-diskussjoni li għaddejja bħal issa.

Biss dak li laqgħatni fil-media huwa l-fatt li l-gazzetti kollha, taw importanza l-involviment tas-suspettat qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, anki jekk ma kienx Yorgen Fenech li għaddielha dawn il-flus. Bħala persuna fiżika wara waħda mill-kumpaniji f’din it-transazzjoni ta’ biegħ hemm Pierre Lofaro, li ma hu ħadd ħlief ir-raġel tal-Imħallfa Lofaro. Għaliex dan ma jissemmiex mill-media?

Jekk immorru lura għal dak miktub fil-media nsibu li ma kienx Yorgen Fenech li qed jitlob lil Rosianne Cutajar u l-ħabib tagħha, ukoll bħala sensar, biex iħallsu l-flus li ħadu għal xejn lura. Ħadu għal xejn għax il-bejgħ ma tkomplix u ma twettaqx. Skond is-sens komun wieħed jifhem li ma ġiex konkluż il-bejgħ, is-senserija ma titħallasx. Mela jekk tħallset senserija, il-messaġġ jidher li kien hemm xi bejgħ ieħor fin-nofs. Għaliex il-media ma titkellimx fuq dan il-bejgħ jew tipprova tagħmel l-analiżi tiegħu? Ma naħsibx li hemm xi xerrej li jagħti l-flus tas-senserija bil-quddiem, qabel ma sar il-kuntratt finali.

Fuq kollox, il-media spiċċat tilgħab f’idejn il-Partit Laburista. Hu fatt magħruf li Rosianne Cutajar toħroġ fuq l-istess distrett li joħroġ fuqu Robert Abela. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Hemm xi lobgħa politika wara dan kollu? Hemm xi ħadd li għandu interess fil-Partit Laburista biex juża din l-istorja biex tiddgħajjef u eventalment titwarrab mill-politika Rosianne Cutajar? B’hekk sar konvenjenti anki għall-Partit Laburista li jissemma’ l-isem ta’ Yorgen Fenech?

Inħarsu lejn għada t-Tnejn biex naraw x’se jikkonkludi jew x’passi se jieħu, dejjem jekk jieħu, dan il-kumitat immexxi minn Dr Anglu Farrugia, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u li fih hemm żewġ rappreżentanti mill-gvern u l-oppożizzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *