Fl-analiżi tal-lum fuq NET TV ma saret l-ebda referenza għas-survey ta’ Marmara.

Nifhem li dan is-survey ta’ Vincent Marmara ġie kkummissjonat minn gazzetta tal-Partit Laburista biss dan ma jfissirx li dan kien xi survey fażul jew mhux tajjeb. Issa jekk tridu konferma ta’ kemm hu minnu dan is-survey, din ngħatat mill-programm fuq NET TV tal-analiżi tal-ġurnali għaliex dan is-survey l-anqas biss issemma.

Nofs dan il-programm kien dwar Rosianne Cutajar. Parti oħra fuq il-FATF u għax Robert Abela ma keċċiex lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista. Parti oħra kienet fuq il-protesta tal-artisti kontra l-miżuri tal-Covid19. Fil-programm kienet qed tieħu sehem Claudette Buttigieg. Din marret pass oltre u saħansitra qalet li meta tkellmu l-artisti barra minn pajjiżna waqgħu il-gvernijiet. Biss insiet Claudette Buttigieg li sa ftit ilu, hija u l-partit tagħha kienu wara dawn l-istess miżuri li qed jipprotestaw kontra tagħhom l-artisti. Anzi kienu jgħidu li l-Gvern Laburista mhux qed jagħmel biżżejjed. L-uniku waħda li kienet xettika dwar dawn il-miżuri kienet it-tabiba Deguara u għax din mhix parti mis-sbatax-il blue heros, kemm ġiet attakkata anki fl-istess partit. Claudette Buttigieg kompliet li tistenna li jqumu għaqdiet oħra. Mela issa saru ħżiena dawn il-miżuri Claudette Buttigieg? Mela nsejt kemm Repubblika u Manuel Mallia ddefendew dawn il-miżuri tas-supretendenza li issa l-artisti qed jgħidu li huma ħżiena? Ara meta tkellimt jien ħafna xhur ilu kontra dawn il-miżuri, ġejt mgħajjar minn sħab Claudette Buttigieg tar-Repubblika li qed inxewwex u li jien thedida għas-saħħa pubblika.

Imma imbagħad, f’dan il-programm ta’ analizi ma’ semmgħet l-anqas kelma li hi kelma fuq dan is-survey. Fuq kollox, illum ma deherx Herman Schiavone jikkummenta fuq is-survey. Aħseb  u ara kemm ser ikun hemm min jibgħat emails lid-deputati biex jgħidilhom kemm huma ħżiena dawn it-trends tas-survey! Infakkar li meta Adrian Delia kien kap, wara kull survey, wieħed mid-deputati kien jibgħat emails lid-deputati l-oħra jgħidilhom kemm huma ħżiena dawn is-surveys, u d-deputati kienu jkunu imħeġġa li jiltaqgħu anki l-Ħadd, jiġifieri dak in-nhar stess li jkun ħareġ is-survey, biex jiddiskutuh.

Issa ħareġ survey minn xi ħadd li ġa kkonferma lilu nnifsu li hu eżatt fl-analiżi li jagħmel tas-surveys u mbierek Alla, mhux talli d-deputati tal-PN mhux ser jiltaqgħu biex jiddiskutuh talli l-anqas ġie diskuss fuq programm ta’ analiżi tal-gazzetti li jsir fuq NET TV.  

One comment

Leave a Reply