Minn gonzipn għal grechpn jew bernardpn.

Blog post minn osservatur politiku

Hekk tidher li se tkun miġġielda l-elezzjoni li ġejja mill-Partit Nazzjonalista. Tant qed isiru kuntrumbajsi biex dan l-avukat ikun minfuħ b’kull mezz possibbli, li qed joħroġ ċar u ovvju li l-Partit Nazzjonalista se jiġġieled l-elezzjoni ġenerali li ġejja fuq isem ta’ persuna u mhux fuq partit. Dan qed isir b’mod primeditat għaliex il-Partit Nazzjonalista ma jistax jersaq quddiem l-elettorat bħala partit magħqud. Allura meta taqra fuq dan is-sit u fuq media oħra l-importanza kbira li qed tiġi ordnata tingħata lil Bernard Grech bħala kap, bilfors tasal għall-konklużżjoni li dan se jiġġieled l-elezzjoni li ġejja fuq il-personalita’ tiegħu bħala kap.

Fi kliem ieħor, qed ipoġġi lilu nnifsu bħala s-salvatur tal-Partit Nazzjonalista u qed jipprova jimponi ismu fuq kollox u fuq kulħadd. Jekk biss tisimgħu d-diskorsi tiegħu u tagħtu każ ta’ dak li jgħid tisimgħu għal kemm-il darba, li ‘hu jrid’ u mhux l-Oppożizzjoni trid jew il-Partit Nazzjonalista jrid. Ħalli nfakkru ftit eżempji għaliex dan huwa kollu verita’.

Ħafna minn dawk li marru jiltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ fl-uffiċju tiegħu qalilhom, mingħajr ebda sinjal ta’ umilta’, li l-Partit Laburista qed jibża’ minnu. Inħalli lil kulħadd jaħseb hu fuq statement bħal dan. Barra minn hekk sirna nafu anke minn dan il-blog li hemm ordnijiet ċari lill-media kollha tal-partit, ovvjament minn Alessandro Farrugia, kemm-il darba għandu jissemma Bernard Grech waqt l-aħbarijiet u fuq programmi politiċi oħra, li f’kull faċċata tal-gazzetti irid jidher ritratt tiegħu b’riferenza għal xi ħaġa li jkun qal. Li kull diskors li jagħmel jiġi trasmess dirett fuq xi media tal-partit. Għandna wkoll ir-ritratti enormi, tipo ta’ dittaturi, mwaħħlin mad-Dar Ċentrali u anke ma każini. U l-aħħar informazzjoni kienet tirreferi għall-ewwel item waqt laqgħat tal-grupp parlamentari li kien qed ikun l-ixxerjar jew le, mid-deputati kollha, tal-posts li jtella’ Bernard Grech.

Dan huwa sentiment ta’ kult li qed jibni fuqu nnifsu dan il-kap. Mela dalwaqt nibdew narawh, għax l-elezzjoni tidher fil-qrib, jagħmel numru ta’ żjajjar f’diversi lokalitajiet, biex jindirizza l-miġemgħa tistennieh bil-bnadar f’idejha. Allaħares pajjiżna kien ikbar għax konna narawh sejjer minn post għall-ieħor fuq xi train speċjali b’ismu. Ikolli ngħid li Dr Grech qed jippreżenta ruħu bħala kandidat presidenzjali tal-Amerika. Naħseb li r-raġunament huwa, x’għandu inqas jew izjed minn President tal-Amerika?

Veru, kif diġa semmejt, din diġa saret minn GonziPN. Imbagħad il-mudell tal-kampanja presidenzjali Amerikana ntuża b’suċċess minn Joseph Muscat. Niftakru li meta ntuża dan il-mudell fl-2008, sarraf f’rebħa, anki jekk mqansħa, favur il-Partit Nazzjonalista. Ir-raġuni prinċipali kienet li dak in-nhar il-kandidati ta’ madwar Dr Gonzi Prim Ministru, ma tantx kienu qed jispiraw fiduċja fil-votant. Gonzi li kien jaf sewwa dwar dik is-sitwazzjoni ħa r-responsabilita’ kollha fuqu u ma kellux triq oħra ħlief li jieħu dak ir-riskju. Biss ir-riskju kien meqjuż ħafna għax Gonzi kien jaf li kellu l-grupp parlamentari u l-kandidati kollha miegħu.

Muscat uża l-mudell Amerikan biex bena l-kampanja tiegħu u din tagħtu l-frott. Imma x’inhi s-sitwazzjoni llum? Ma hu ebda sigriet li l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum u hemm diviżżjonijiet li tħosshom minn kullimkien. Li ħafna mid-deputati u kandidati mhux magħqudin wara l-kap tagħhom huwa sigriet magħruf. Li hemm ħafna ħsibijiet diversi fuq kull suġġett hija xi ħaġa ċara wkoll. Li l-grupp parlamentari jiltaqa’ u ma jasal biex jikkonkludi xejn, huwa magħruf ma kulħadd ukoll. Eżempju wieħed jitkellem waħdu, għax wara ħames jew sitt laqgħat ma ħarġet ebda pożizzjoni fuq il-cannabis, ukoll jafa’ kulħadd. Dr Bernard Grech li qed toħroġ bħala bniedem pompuż u kollox hu, huwa magħruf minn kulħadd. Biss biex tasal tipprova tibni kampanja fuq il-personalita’ tiegħek, bniedem li għadek tibda’ il-bieraħ fil-politika u politiku li s’issa għadek ma ottenejt xejn u li saħansitra għadek ma tistax tgħaqqad il-Partit tiegħek stess, żgur mhux ser taħdem politikament anzi nemmen li ser twassal biex Bernard Grech jibni mmaġni tiegħu nnifsu ta’ bniedem ambizzjuz u arroganti, xi ħaġa li onestament ma naħsibx li hu.

One thought on “Minn gonzipn għal grechpn jew bernardpn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *