Where your opinion counts

Il-Ministru Bartolo jrid jieqaf jivvinta skużi li ħadna xi kastigg mingħand pajjiżi ikbar minnha.

Blog post minn osservatur politiku

Dejjem ikun ta’ pjaċir għalija li naqra dak li jikteb il-Ministru Evarist Bartolo. Ħafna drabi jilluminana b’xi silta mil-letteratura Griega biex isaħħaħ l-argument tiegħu. Nħar il-Ħadd 27 ta’ Ġunju kiteb artiklu fit-Torċa li semmieh ‘Ħbieb ta’ Kulħadd, Ilsiera ta’ Ħadd’. It-titlu sabiħ għall-pajjiż bħal tagħna, pajjiż żgħir imma kbir fil-qalb u d-determinazzjoni tiegħu. Ovvju li dan l-artiklu nkiteb b’referenza għall-kundanna li tatna l-FATF bil-greylisting li dabbar pajjiżna.

Bartolo għal darba oħra rrefera għall-istoriku u ġeneral minn Ateni, fil-Greċja, Thucydides fuq dak li ġara aktar minn 2436 sena ilu. Ateni ordnat lil Melos: “Ċedu. Intom żgħar. Mhux x’tixtiequ intom jgħodd. Imma xi rridu aħna. Il-kbar jagħmlu li jridu. Intom iż-żgħar ikollkom tobdu. Melos ma ċedietx. Ateni nvadietha”.

Biss imbagħad fl-artiklu tiegħu kompla għaż-żminijiet tal-lum u għamel dikjarazzjoni skond kif jifhimha hu u skond il-filosifija li jemmen fiha. Huwa qal:

“Il-pajjiżi żgħar spiss isibu min jippriedkalhom. Min jinvestigahom. Min jakkużahom. Min jikkundannahom. Min iqishom u jistmahom ta’ inferjuri. Isibu ferm inqas min lest jgħinhom. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ dmirijiet, obbligi internazzjonali, liġijiet u konvenzjonijiet… il-pajjiżi ż-żgħar mistennija jħarsuhom iżjed mill-kbar”.

Meta naqra affarijiet bħal dawn bilfors ikolli nistaqsi lill-Ministru Bartolo, fejn kien il-Prim Ministru ta’ pajjiżna fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet? Ma min kien qed jiltaqa’? Ma min kien qiegħed madwar fuq il-mejda jiddiskuti, jgħid tiegħu u jara kif jagħmel biex iġib flejjes lejn pajjiżna? Kien qiegħed hemm jattendi l-laqgħat u sab lil xi ħadd jippriedkalu? Kien hemm xi ħadd madwar il-mejda fejn kien qed jattendi diskussjonijiet f’livelli għoljin, fejn ħassu qed jiġi nvestigat? Dr Robert Abela ġie akkużat minn xi ħadd madwaru fuq xi ħaġa jew oħra?

Jiddispjaċini li ma dan it-tip ta’ kliem ma naqbel xejn. Pajjiżna huwa parti minn l-Unjoni Ewropea u għandu dritt ipoġġi bil-qiegħda mal-pajjiżi l-kbar mingħajr ħadd ma jpoġġilu dubbien fuq imnieħru. Dr Abela kien qalb l-elite tal-Ewropa bħala Prim Ministru elite bħalhom u daqshom. Ma kellu xejn minn xix jistħi u ma kellu xejn xi jxekklu biex iqis ruħu bħala kap ta’ stat indipendenti u sovran. Jekk mingħalik Ministru Bartolo se tilgħab bid-diskors biex tipprova taħrab mid-diżastru li ntlaqat bih pajjiżna minħabba l-FATF qed tuża argument li ma jreġġix.

Fuq kollox, infakkru lill-Ministru Bartolo, li l-pajjiżi Tedeski ma ramewhx il-Latin u l-istudju tal-klassiċi Griegi bħal ma għamilna aħna f’isem il-progress. Il-Grieg u l-Latin għadhom qawwija fil-kurrikulum fil-Ġermanja. B’hekk b’diskors dwar il-klassiċi mhux ser timpressjonahom xejn.

Infakkar lill-Ministru Bartolo li Malta hija kburija b’dak li kisbet meta saret stat indipendenti u meta kisbet il-post ta’ membru tal-Unjoni Ewropea. Dak li ġara lil Malta f’dawn l-aħħar ġranet żgur li mhux riżultat taċ-ċokon tagħha. Żgur li ħadd ma ordnalna jew ippriedkalna biex f’dan il-pajjiż jitilgħu nies inkompitenti li jippretendu li jagħmlu li jridu. Dak li ġara lilna mill-FATF huwa kollu tort tagħna. Jiena mhux se nikkonkludi li r-riżultat tal-FATF sar tort tal-gvern preżenti, jew ta’ qablu jew ta’ qablu. Imma nikkonkludi li aħna ma għamilniex dmirna meta ġa kellna l-indikazzjonijiet. Ma ħdimniex biżżejjed fuq in-nuqqasijiet tagħna. Ara issa għax kien hemm xi ħadd li pprova jġib l-ordni fis-settur tal-NGOs tkeċċa. Żgur li ma tkeċċihx għax talbu pajjiżi kbar!

Mela Ministru Bartolo jkun inutli tipprova tipproduċi u tivvinta skużi. Inutli li tipprova tippriedkalna li aħna żgħar. Kollu għalxejn, għax kull ma rridu nagħmlu hu li nammettu dnubietna u naħdmu kemm nifliħu ħa nindmu minnhom u verament nibdew nagħmlu dak li wiegħed Joseph Muscat fl-2013 u li qatt ma sar fil-verita’, jiġifieri li l-affarijiet f’dan il-pajjiż isiru skont il-meritokrazija u mhux skont lil min taf!.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *