Għaliex Richard Muscat kien daqshekk kontra Adrian Delia?

Illum kulħadd jaf li l-flus ma għadhomx problema għall-Partit ta’ Bernard Grech. Minn mindu daħal, iddaħħlu numru ta’ diretturi li ngħataw salarju ta’ 40,000 euro. Issa qiegħed jingħad li dan is-salarju ta’ xi uħud minnhom kompla jikber u ttella’ għall-60,000 euro.

Infatti, il-ġbir li jsir qed imur biex jitħallsu dawn is-salarji kbar. Il-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista qed issir aktar kritika. Imma anki jekk qed issir aktar kritika, komplew jiddaħħlu n-nies.

Persuna oħra li ddaħħlet hija Carmen George. Din hija biċċa waħda ma’ Richard Muscat. Jien mhux ser nidħol fil-ħajja privata ta’ dan l-armel jew ta’ din il-mara, biss, ma għandix dubju li hemm relazzjoni bejn l-preżenza ta’ Carmen George u l-appoġġ kbir li ta Richard Muscat biex jitneħħa Adrian Delia u jilħaq Bernard Grech bħala kap. Dak li nista’ ngħid fi żgur li din il-mara qed tkun dejjem fil-kwartieri tal-Partit Nazzjonalista minn filgħodu sa filgħaxija taħdem fl-uffiċju tal-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Nistaqsih lil Richard Muscat jekk jaħsibx li dan hu ‘good governance’ ta’ kif għandu jitmexxa l-Partit Nazzjonalista? Nistaqsi bħala tesserat jekk din il-persuna hix titħallas u jekk qed titħallas kemm qed tieħu? Li Carmen George qed taħdem fl-uffiċju ta’ Bernard Grech huwa fatt bħal ma huwa fatt li qed tkun f’dan l-uffiċju minn filgħodu sa filgħaxija. Nispera li qed tagħmel dan b’mod volontarju u mingħajr ħlas. Jekk dan hu l-każ ngħidilha proset u għandha l-ammirazzjoni tiegħi. Biss jekk le, ikolli nikkonkludi li dan hu parti mill-rigali li ħa Richard talli ried itajjar lil Adrian Delia minn kap tal-partit.

Infakkru lil Richard Muscat, li taħt Adrian Delia, kien hemm ġurnalisti tal-Partit Nazzjonalista li ntalbu jagħmlu sagrifiċċji u tnaqqsitilhom il-paga għaliex kien hemm problemi finanzjarji. Dak li ma nistax nifhem hu kif Bernard Grech daħħal tant nies jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista. Għalhekk qed nistaqsi dwar Carmen George. Infakkar lil Richard Muscat li Bernard Grech ammetta f’intervista li l-ispejjeż għolew u għolew ħafna waqt li d-dħul mill-maratona naqas bin-nofs. Jekk ser jibqgħu jidħlu aktar nies fil-Partit Nazzjonalista b’dan il-mod, ma tantx fadal tama għall-Partit Nazzjonalista.

Nispera li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jagħmel hekk a skapitu tal-ħaddiema żgħar tiegħu. Nispera li l-Partit Nazzjonalista qed iħallas il-bolol tal-ħaddiema kollha tiegħu għaliex jekk le, u dawn ikollhom bolol mhux imħallsa, dan ifisser li din ser tkun affettwata l-penzjoni tagħhom. Din hija serja ħafna. Bħala penzjonant, ex-ġurnalista, u bħala bniedem qrib tiegħu, li hija wkoll penzjonanta u li spiċċat tagħti servizz fil-Partit Nazzjonalista, nispera li Richard Muscat jara li l-Partit Nazzjonalista qed iħallas il-bolol tal-ħaddiema kollha tiegħu fil-ħin.

Fuq kollox, l-impressjoni li qed jagħti Bernard Grech meta qed jimpjega dawn in-nies kollha hija li llum ‘money no problem’ allavolja qed jammetti li naqas id-dħul. Nistaqsi fejna l-governanza tajba f’dan kollu? Infakkar li Richard Muscat ried bidla fil-kap minħabba li taħt Adrian Delia, skont hu, ma kienx hemm governanza tajba fil-Partit Nazzjonalista.

One comment

Leave a Reply