Għaliex Bernard Grech ma jistax jikkritika lill-Partit Laburista fuq l-FATF?

Blog post minn osservatur politiku

Kif jaf kulħadd Malta qalgħat tumakka kbira bir-rapport tal-FATF. Waħda mir-raġunijiet mogħtija u msemmiha fir-rapport turi kemm pajjiżna kien għaddej laxk u kemm ma kienetx qed tittieħed bis-serjeta’ l-evazzjoni tat-taxxa. Kemm kemm kien għadu xxandar li Malta ntefgħet fuq il-lista l-griża li l-partit fl-oppożizzjoni ma bediex il-kantaliena ta’ kritika lejn il-partit fil-gvern, jippuntaw subgħajhom b’indikazzjoni ta’ ħtija assoluta lejn il-Partit Laburista li dak kollu li ġara sar fi żmienhom u b’riżultat ta’ kollox jgħaddi, bil-ħsieb li jgħattu u jiddefendu n-nies tagħhom u ta’ madwarhom.

Biss biex tiskongra trid tkun pur. Huwa għalhekk li qrajna diversi gazzetti u portals li kitbu li biex ikun emmnut il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid joħroġ ifuħ fuq dak kollu li għamel hu qabel daħal għat-tiġrija ta’ kap. Huwa sigriet magħruf ma’ kulħadd li Dr Bernard Grech, b’ammissjoni tiegħu stess li seta’ qagħad ħafna iktar attent, kien evasur tat-taxxa għal diversi snin. U kellha tkun it-tellieqa għall-kap li solvietlu l-problema, għax seta’ kien il-każ li s-sitwazzjoni kienet tkompli, kieku ma kkandidax ruħu għal kap.

Dr Grech irid jiftakar u jżomm kontinwament quddiem għajnejh li dik l-evazzjoni li wettaq mhux se tiġi kkanċellata qatt, allavolja skond hu u ċ-ċertifikat li għandu, jaħseb li xi ħadd jista’ jitfa kollox taħt it-tapit. Tant hu hekk li dan l-aħħar dik it-traġedja fiskali ta’ Dr Grech reġgħet issemmiet kemm il-darba. Se nagħti eżempju wieħed, fost ħafna li tfaċċa fuq il-Malta Today fit-30 ta’ Ġunju, jiġifieri ftit ġranet ilu. Araw x’qalet:

“Yet the underlying “I told you so” celebratory mode in the Opposition’s ranks does raise questions on its good faith. And neither can Grech himself escape the irony from his own tax arrangements which saw him settling pending income tax and VAT dues and irregularities spanning a number of years, right before contesting the PN leadership, in what now stands out as another symptom of the ‘ejja ha nirranġaw’ culture, which also contributed to the Grey listing”.

Il-messaġġ tal-Malta Today huwa ċar għal Dr Bernard Grech. Il-gazzetta qed tagħmel referenza ċara għall-kultura ta’ ‘ejja ħa nirranġaw’ u l-mod kif instabet is-soluzzjoni ta’ Dr Bernard Grech kien ta’ arranġament ta’ maljar. Mela l-gazzetti u l-portals Maltin qed jagħmluhielek ċara li int m’intiex il-persuna idonea li tikkritika lill-Gvern fuq l-FATF meta parti prinċipali tad-disfatta ta’ pajjiżna hija l-evażżjoni tat-taxxa. Kif tista’ tikkritika u twaħħal fil-Gvern ta’ dan l-aħħar xhur u snin meta int bħala avukat kont qed tevadi t-taxxa int stess. Biex tkun emmnut fil-kritika tagħha, kwalunkwe persuna hi min hi, ma tistax tkun imċappsa fuq is-suġġett stess li qed ikun ikkritikat.

Leave a Reply