Il-Gvern tal-Lejber jagħti rebħa oħra lill-għaqda Repubblika

L-attivisti ta’ Repubblika jinsabu fis-seba’ sema hekk kif il-Gvern Laburista paxxiehom u biex jaqdi l-interessi tagħhom u anki tiegħu ġiegħel lil Dr. Anthony Abela Medici jirreżenja. Dawn l-affarijiet lanqas jitwemmnu. Ġejna f’sitwazzjoni fejn għaqda tikkmanda gvern u fejn Gvern iġiegħel kummissjaru jirreżenja għax jagħmel xogħlu.

Il-bieraħ, il-ġurnali tawna l-aħbar li l-Kummissarju tal-Volontarjat, Dr. Anthony Abela Medici kien mġiegħel jirreżenja. Infakkar, li għal numri ta’ drabi, Dr Abela Medici, ġie attakkat b’mod sfrenat minn Repubblika għaliex kien qed iwettaq xogħolu, jagħmel dmiru skond il-liġi u jaħdem b’mod kuxjenzuż ħafna. Issa sab lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kontrieh. Dan is-Segretarju Parlamentari talbu, b’mod uffiċjali, biex jirtira talba għal inkjesta mill-Awditur Generali fuq NGOs li ma awditjawx ir-returns tat-taxxa tagħhom.

Dr Abela Medici ma kienx qed jitkellem fuq numri żgħar imma t-talba tiegħu lill-Awditur Ġenerali kienet tikkonċerna 1,900 annual returns minn NGOs diversi li ma kienux ivvettjati kif suppost. Mela meta Abela Medici staqsa dwar l-Għaqda Repubblika ma kienx qed jattakka b’mod individwalment. Kien qed jaħdem biex iġib l-ordni f’dan is-settur. Ara fuq din it-talba ta’ Clifton Grima biex dan il-Kummissarju jirreżenja tar-Repubblika ma qalu xejn. Tafu għaliex? Għaliex kemm il-Gvern Laburista kif ukoll l-Għaqda Repubblika ġew jaqblu bejniethom li lil Abela Medici ma jriduhx.

Tajjeb wieħed jiftakar li l-Għaqda Repubblika, waslet saħansitra biex għamlet protest ġudizzjarju kontra l-istess Abela Medici. Issa tajjeb wieħed jgħid li waħda mir-raġunijiet għala ġejja Greylisted hija dik li jeżistu ħafna NGOs li mhumiex skont il-liġi u jista’ jkun hemm minnhom li qed jintużaw għat-terrorizmu. Għaliex persuna trid taħdem skont ir-rule of law, kienet sfurzata biex tirreżenja! Affarijiet li ma jitwemmnux kif il-Gvern u l-Għaqda Repubblika għamlu vittorja flimkien fuq affarijiet li ma jirriflettux is-serenita’ ta’ tmexxija kemm fuq livell ta’ Gvern kif ukoll fuq livell ta’ NGOs. It-tnejn qed jaqblu li m’għandux ikun hemm skrutinju ta’ governanza tajba fuqhom u fuq NGOs oħra bħalhom. Veru każ li dawn tar-Repubblika moħħhom biex jaraw ix-xagħra f’għajn ħaddieħor imma mhux it-travu f’għajnejhom.

Anthony Abela Medici ta r-riżenja tiegħu wara li kien hu stess li wissa lill-Gvern li l-FATF se tqajjem in-nuqqas ta’ skrutinju fuq ħafna NGOs. Dr Abela Medici għamel dmiru u wissa lill-gvern preżenti li f’Malta hawn ħafna taparsi NGOs li mhux joperaw skond il-liġi. Huwa wissa wkoll lill-gvern li ħafna minn dawn l-NGOs ma kienux, jew ftit li xejn kienu, qed josservaw governanza tajba. It-twissija lill-gvern minn Dr Abela Medici ma kienetx waħda frivola imma għal kuntrarju kienet serja ħafna. Araw x’kiteb il-Kummissarju fuq l-NGOs:

“Moneyval and FATF consider voluntary organisations extremely vulnerable to abuse, especially money laundering and funding of terrorism,”

Huwa veru ħasra li Malta tilfet Kummissarju tajjeb u serju bħal Dr Abela Medici. Kull fejn ħadem Abela Medici, ħadem b’rettezza kbira. Fuq kollox ħadd ma jista’ jgħid xejn fuqu. Imma din lr-riżenja swiet biex tinkixef il-maskra ta’ Repubblika u kompliet turi kemm għandha gvern li hu nieqes minn skrutinju qawwi min-naħa tal-oppożizzjoni. Dawn qed juruna li huma ma huma xejn għajr bżieżaq mimlija bl-arja li jippretenduha ħafna. Biss imbagħad kif appena tmiss lilhom m’humiex kapaci jerfgħu r-responsabbilta’ mitluba.

One thought on “Il-Gvern tal-Lejber jagħti rebħa oħra lill-għaqda Repubblika

Leave a Reply

Your email address will not be published.