Peter Caruana Galizia jitfa’ d-dubbji fuq dak li kienet tikteb martu

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ Joseph Muscat ippubblika l-affidavit li għamel Dr. Peter Caruana Galizia u għamel il-kummenti tiegħu. Bil-pubblikazzjoni ta’ dan l-affidavit, din l-istorja ta’ Daphne Caruana Galizia aktar qed titħawwar. Jien qrajt kemm il-post ta’ Muscat u anki affidavit ta’ Dr Peter Caruana Galizia u bdejt ninduna li Dr Caruana Galizia qed jitfa’ ċertu dubji fuq dak kollu li kienet tqis bħala veritier martu, Daphne Caruana Galizia(RIP).

Fl-affidavit tiegħu, Dr Peter Caruana Galizia qal affarijiet li ħafna minna, in-nies tat-triq, konna nisimgħu u nemmnu li kien kollox imnissel fuq is-sewwa. Ikolli ngħid li Dr Caruana Galizia lanqas hu stess ma hu qiegħed f’pożizzjoni li jikkonkludi li kull ma kienet tikteb martu kien kollu minnu. Fl-affidavit tiegħu qed jgħid li ħafna mill-kitbiet ta’ martu, huwa mhux qiegħed f’pożizzjoni li jissostanzjhom. Kważi qed jgħid li li hu u allura lanqas aħna ma nistgħu nemmnu dak kollu li nsinwat Daphne Caruana Galizia.

Wasal biex qal, pjuttost ammetta, li mhux kull min fetaħ kont fil-Panama għamlu bi skop ħażin u saħansitra żied li mhux kulħadd kien qed jikser il-liġi. Mela ikolli nammetti li għext numru ta’ snin nemmen dak kollu li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia għax kienet tikteb b’affermazzjoni ta’ xhieda u allura ta’ verita. Issa Dr Peter Caruana Galizia qed jitfa’ ħafna ilma fuq in-nar għax qed idaħħal dubji f’moħħ in-nies dwar il-kitbiet ta’ martu.

Se jkolli nistaqsi la qed jitfa’ dawn id-dubji kollha fuq il-kitba tagħha, x’se jagħmlu dawk in-nies li minħabba dik l-kitba għaddew minn ħafna tbatijiet? X’se jagħmlu dawk li tilfu l-familja u anke hemm istanzi fejn il-kitba tagħha telfet persuni li kellhom iwarrbu jew jitwarrbu mill-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom? Dan huwa diskors li se jpoġġi numru ta’ mistoqsijet ta’ portata kbira għax li r-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia beda jdaħħal id-dubju, u dan se jitwessa għal fuq ħafna kitbiet tagħha.

Imma min dan kollu li ħareġ il-bieraħ, min mar l-agħar? Fl-opinjoni tiegħi l-agħar li mar kien il-Partit Nazzjonalista. Fuq dan is-sit ilu jinkiteb il-ħsara kbira li għamlet Daphne Caruana Galizia lill-Partit Nazzjonalista. Niftakru wkoll li fir-rapport tat-telfa tal-2013 Daphne Caruana Galizia kienet imniżżla bħala wara mir-raġunijiet ta’ dik it-telfa storika. Irridu niftakru wkoll kemm sqietu affarijiet lil Simon Busuttil li bena n-narrattiva tal-partit ta’ żmienu fuq dak kollu li kienet tikteb hi.

Inżommu wkoll quddiem għajnejna li l-kampanja tal-2017 mill-istess Busuttil kienet iffokata biss fuq il-korruzzjoni u swietlu telfa akbar mill-2013. Mela b’mod kważi dirett nistgħu ngħidu li Daphne kissret lil Simon Busuttil li emminha f’kull ma qalet u kull ma kitbet. Mela llum nista’ ngħid li d-dubji koroh li tefgħet fuq Dr Adrian Delia u l-mod kif ċappsitu mal-prostituzzjoni u l-flejjes kbar li kien qed jirċievi minn dan ix-xogħol, kien riżultat tal-immaġinazzjoni tagħha. Tant li qatt ma ġie ippruvat xejn. Tant li qatt ma riedet tara d-dokumentazzjoni offruta lilha mill-istess Dr Delia. Tant li baqgħet tikteb fuq narrattiva waħda. Tant li għadna sal-lum b’affarijiet immaġinattivi u xejn tanġibli. Tant li allura din il-ġurnalista kienet tikteb l-artiklu mingħajr ma tikkonferma mija fil-mija dak li kienet tikteb.

Illum nasal għal din il-konklużżjoni minħabba l-affidavit ta’ żewġha fejn qed jindika dan. Qed jindika li l-verita’ mhux dejjem kienet il-modus operandi ta’ martu u b’riżultat ta’ hekk ma tistax tibqa’ temmen dawk il-biżibilju kitbiet tagħha. Kieku Dr Adrian Delia kellu jiddeċidi li jieħu azzjonijiet neċessarji, min jażżarda jlumu lil dan l-avukat? Din kissritu. Din ħamġitu bla ebda prova. Din ħarqitlu l-karriera ta’ mexxej ta’ partit qabel iż-żmien. Din kienet l-unika għajn minn fejn xorbu l-klikka ta’ ribelli li kellu madwaru fil-partit. Hi kienet li temgħet lis-soċjeta ċivili f’kitbiet li fuqhom serħu l-attakki tagħhom fuq Dr Delia. Din kienet li llupjat lill-klikka tar-ribelli li dawrithom qatta’ bla ħabel kontra l-kap tagħhom.

Illum nasal biex nikkonkludi li issa wasalt biex niddubita kitbitha kollha. Issa wasalt biex ngħid li din il-mara, bħala ġurnalista investigattiva, kitbet kemm felħet artikli li, skond ir-raġel tagħha, ħafna minnhom jista’ ma jkunux ġejjien mill-verita’. Illum ngħid lili nnifsi kif kont nemmen dak kollu li kienet tikteb. Illum inħossni mbellah kemm kont irrisponsabbli miegħi nnifsi li kont nieħu kitbitha bħala porvli għall-kanuni li bihom kienet se jinbidel wiċċ Malta. Illum qed inħossni ddisgustat kif ħallejt moħħi jiċċajpar bin-nuqqas ta’ verita’ ta’ kitbitha.

Illum ngħid li la żewġha kiteb affidavit fejn, tefa’ dubji serji fuq uħud mill-aktar akkużi serjissimi, li kienet tant ħadmet fuqhom Daphne Caruana Galizia. Kif nista’ jien nibqa’ nemmen dak kollu li kitbet?. Hu stess, żewġha, qed jgħid li mhux qed jemmen f’kollox dak li kitbet martu. Sfortunatament pajjiżna għadda minn żmien imqalleb ħafna minħabba kitba li llum qed tinħass dubjuża u ħafna mill-poplu Malti u Għawdxi, naħseb bħali, qed iħoss li ġie ngannat u mgħoddi passata żmien minn ġurnalista li kienet ikkonsidrata li kienet qed tikteb il-ħames vanġelu.

One thought on “Peter Caruana Galizia jitfa’ d-dubbji fuq dak li kienet tikteb martu

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *