L-aqwa li mmaqdru bl-addoċċ: imbagħad niġu fi kliem Dr. Adrian Delia

Blogpost minn osservatur politiku

Hawn ħafna li għadhom imaqdru bl-addoċċ lil Adrian Delia. Hawn ħafna li semgħu n-narrattiva ta’ min ried jagħmillu l-ħsara. Hawn ħafna li għadhom qed ikomplu jxandruha u jħawruha. Biss il-ġid li għamel dan ir-raġel issa beda jagħti l-frott u n-narrattiva falza qegħdha kull ma tmur titla’ fil-wiċċ.

Illum jien nistaqsihom, kemm minnkom jinteresshom is-sitwazzjoni taż-żewġ sptarijiet Maltin u dak Għawdxi? Kemm minnkom qed taqraw u tifhmu x’qed jagħmel Adrian Delia WAĦDU għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin? Hemm minnkom tapprezzaw dak li qed jagħmel dan l-avukat? Possibbli huma ftit dawk li jaċċettaw li dan ir-raġel, b’responsabilita’ kbira u b’sogru finanzjarju enormi, daħħal lill-Gvern u l-kumpanija privata l-qorti biex jieħu dawn l-isptarijiet imsemmija lura? Tafu lil xi politiku li jiswa, tebaq fwiedu u mar jagħtih daqqa t’id? Tafu lil xi politiku miż-żewġ naħat tal-kamra li qed ikun preżenti miegħu biex jiġġieled din il-kawża? Imma tisimgħu politiċi, speċjalment Nazzjonalisti, jitkellmu fuq dan il-każ?

Ħa nirrispondi jien. Ma tara jew tisma’ ebda politiku ieħor jgħin lil Dr Adrian Delia għax kif dejjem ngħid dawn huma politiċi li jridu jakkwistaw mill-politika u mhux ikunu ta’ servizz permezz tal-politika. Dawn il-membri parlamentari, kollha bla kukki, ħadd minnhom ma resaq biex jitfa’ ismu fil-kawża li fetaħ Dr Delia. Anke Dr Bernard Grech, il-Kap tal-Partit, li mar ipeċċlaq li, kien ser jakkumpanja lil Adrian Delia, qatt ma mar. Infakkar li meta suppost kellu jmur il-qorti ma’ Adrian Delia kienu ordnawlu biex ixandar ix-shadow cabinet tiegħu dak il-ħin li kien hemm il-kawża. U dan ix-shadow cabinet illum ħadd ma jitkellem dwaru.

Dr Grech jitkellem kemm irid li ħadd ma jagħmillu l-aġenda. Tista’ tirrepetiha kuljum Dr Grech biex forsi fl-aħħar tibda temminha int stess, imma ħadd ma jemmnek għax kulħadd jaf li inti għandek diversi spag marbutin ma’ kull parti ta’ ġismek u dawk kollha ta’ madwarek jiġbdu fejn jaqblilhom. Dak li qed jinkiteb f’dan il-blog ikompli jikxef din l-aġenda.

Anki fuq l-iskandlu tal-isptarijiet ma għadkomx titkellmu. Dr. Grech l-anqas semmihom bħala raġuni għala ġejna Greylisted. Tafu għaliex? Għax ma jridux jidħlu għar-riskju finanzjarju enormi. Il-politiċi tal-oppożizzjoni jridu jieħdu l-glorja mingħajr ma jesponu lilhom innifishom. Ara Dr. Delia mhux hekk. Dr Delia waħdu qed jikxef il-maskra karnivaleska tal-membri tal-gvern meta jgħidu li huma magħqudin bħal qaqoċċa. Hekk nibqgħu!

Infakkar li Dr Delia wasal biex kixef li ministri Laburisti jaħdmu wara dahar xulxin. Waħdu kixef it-taħwid li għandhom bejniethom. Waħdu wera li dak li jagħmel ministru ma jkunx jaf bih ministru ieħor. Tisimgħu b’dawn l-istejjer fuq Net News. Infakkar li kien bis-saħħa ta’ Adrian Delia li sirna nafu dwar id-diskussjonijiet ma’ Steward minn żewġ ministri, imma ministru wieħed ma jafx li hemm ministru ieħor jiddiskuti. Infakkar li Steward ingħata bħala raġuni għala l-Amerikani ivvutaw biex Malta tkun Greylisted. Bħal qaqoċċa magħqudin!

Dak li hu tal-iskantament hu li hemm ħafna affarijiet li suppost l-oppożizzjoni qed tikxef, inkluż it-taħwid li hemm fl-Awtorita tal-Artijiet u l-oppożizzjoni hija mejta. Taħsbu li kien ser jiġri hekk fi żmien Adrian Delia? Imbagħad niskopru li persuni qrib tar-rule of law u li kienu ħadmu biex jitkeċċa Delia, qed igawdu minn dan it-taħwid fl-Awtorita’ tal-Artijiet għaliex akkwistaw propjeta’ b’xejn fil-Belt Valletta.

Mela Nazzjonalisti komplu aġevolaw lil dawk il-qabda politiċi ta’ stoffa limitata jew limitata ħafna, u għinuhom ikomplu bil-komplott tagħhom biex jiġġieldu lil Dr Delia u mhux kapaċi jagħmlu kritika kostruttiva lill-Gvern tal-ġurnata.

Jien l-ewwel wieħed ngħidilhom. Ser nivvota għall-Partit Nazzjonalista għax ser ikun hemm Dr Adrian Delia kandidat. Mingħajr Dr Delia l-vot tiegħi jibqa’ fil-kexxun. Jien m’hiniex Nazzjonalist opportunist. Jien Nazzjonalist bi prinċipji. Dak li sar f’dawn l-aħħar snin qed jurini li l-Partit Nazzjonalista tilef il-valuri u l-prinċipji. U dan seħħ għaliex tneħħa Dr Adrian Delia.

Leave a Reply