L-aħwa Degiorgio saru kredibbli għal Jason Azzopardi

Illum, il-ġurnali ħbieb tal-familja Caruana Galizia tawna l-aħbar li Jason Azzopardi ser iħarrek lill-aħwa Degiorgio fil-kawża ta’ libell li fetaħ kontra tiegħu l-Ministru Carmelo Abela. Din l-kawża qed tidher quddiem il-Maġistrata Rachel Montebello. Jien mhux ser nidħol fil-mertu ta’ din il-kawża.

Biss Jason Azzopardi jrid iħarrek lill-aħwa Degiorgio għaliex dawn qalu li hemm ministru sedenti tal-gvern li kien involut fil-hold-up jew heist fuq HSBC. L-anqas fuq dan ma jien ser nikkummenta.

Biss ser nagħmel kumment ieħor. L-aħwa Degiorgio talbu kemm-il darba u qed jagħmlu kawżi biex huma jingħataw il-maħfra presidenzjali ħalli jgħidu dak li jafu. Il-gvern qed jirrifjuta li jagħtihom din il-maħfra. Għaliex Jason Azzopardi, jekk jemmen li dawn jafu li hemm ministru tal-gvern involut, ma tkellimx u ta s-support lill-Oppożizzjoni fl-istand li ħadet biex jingħataw maħfriet presidenzjali?

Mhux talli ma ħax stand, talli l-klijenti tiegħu, jiġifieri il-familja Caruana Galizia, ħarġu qatta’ bla ħabel kontra li dawn iż-żewġ aħwa jingħataw din il-maħfra.

Infakkar li l-ewwel darba li l-aħwa Degiorgio talbu l-maħfra, il-Fundazzjoni Daphne Caruana Galizia li hija mmexxija mill-istess familja Caruana Galizia bagħtet dan il-messaġġ:

“Full justice can only be served if Daphne’s killers receive the punishment that fits their crime – the murder of a mother by criminals who were willing to blow up her family with her to make sure she is killed.

“Justice for Daphne Caruana Galizia means her murderers should not be pardoned. Past crimes should not be cashed as currency for killers to escape justice for murder.

Mingħajr ma nidħol fil-mertu, għaliex ġa kelli ċ-ċans li nitkellem fuq dan il-fatt, din il-Fundazzjoni qatt ma kitbet kontra l-fatt li Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali jew kontra t-tnaqqis tal-piena ta’ Vince Muscat il-Koħħu minħabba l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għal xi raġuni li jafu l-familja biss, dawn ma jridux li l-aħwa Degiorgio jingħataw maħfra presidenzjali. Imma issa, bil-wiċċ tost kollu, l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi irid itellgħahom jixhdu. Mela x-xhieda tad-Degiorgijiet saret kredibbli. Infakkar li Jason Azzopardi huwa  wieħed mill-avukati tal-Fundazzjoni Daphne Caruana Galizia u jagħti pariri lil din il-fundazzjoni ta’ natura kriminali. Verament familja bla morali u l-avukat tagħhom l-anqas jaf jistħi!

One comment

Leave a Reply