Meta Beppe Fenech Adami kkwota lil Gandhi…

Blog post minn osservatur politiku

Beppe Fenech Adami silet kwotazzjoni minn Mahatma Gandhi u tellagħha fuq il-facebook page tiegħu. Il-kwotazzjoni hija din:

Din il-kwotazzjoni se nużaha bħala d-dedika ta’ Beppe Fenech Adami lil Adrian Delia, f’dak iż-żmien li l-istess Delia kien fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.

‘First they ignore you’. Prosit Beppe hekk għamilt għax meta sirt taf li Dr Adrian Delia kien qed juri interess li jidħol fl-arena politika, ħsibt li ma kienx se jasal biex jieħu dak il-pass. Kont taħseb li avukat tal-kalibru tiegħu b’dak il-kwantita’ ta’ xogħol li kellu, ma kienx se jaħraq karriera eċċellenti u jiddedika ħinu għall-politika Maltija, wara li int bħala Viċi Kap u sħabek tajtu l-akbar tkaxkira lill-Partit Nazzjonalista f’elezzjoni ġenerali fl-2017. Bdejtu tgħidu int u sħabek li biex jieħu dan il-pass, irid ikun miġnun, irid ma jkunx jaf dak li kien dieħel għalih. Int kont wieħed minn dawk li mortu fuqu u spjegajtulu x’se jkunu qed iħalli warajh? Int kont wieħed minn dawk, bħala Viċi Kap fuq kollox, li avviċinajt lil Dr Delia biex tgħidlu s-sitwazzjoni tal-partit fejn kienet, kemm politika kif ukoll finanzjarja? Le. Int injurajtu għax ħsibt li ma kienx se jasal jagħmel pass għall-partit u għall-pajjiż.

‘Then they ridicule you’. Ma hemmx kliem aktar eżatt minn dan. Kemm għaddejtuh biż-żmien int u sħabek fuq in-new way li beda’ jressaq bħala slogan tiegħu! Kemm għajjartuh li ma jafx x’qed jgħid b’dak l-istil ta’ politika! Kemm ħdimtu l-ewwel favur Alex Perici Calascione, imbagħad favur Chris Said biex tagħmlu żgur li ma jitlax Dr Adrian Delia bħala kap. Kemm irredikulajtuh kull darba li kien jitkellem. Kemm għidtu li għandu politika immaġinattiva u mhux kredibbli. Saħansitra għidtu li l-politika ġdida li qed iressaq kienet se tkompli tkisser lill-Partit Nazzjonalista. Kontu għidtu li ma jistax ikun li jidħol fil-partit xi ħadd minn barra. Kontu xerridtu l-kelma li bil-fors ried ikun xi ħadd li ilu tiela’ fil-partit minn meta kien żgħir. Kif qatt nistgħu ninsew dak iż-żmien!

‘Then they fight you’. Preċiż għal darba oħra Gandhi jekk nieħdu kliemu bħala referenza għall-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Xi ħadd, li forsi nistgħu naslu għal min, kien għadda informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia u din is-sinjura ħalfet li tagħmel ġlieda lil Adrian Delia fuq l-istess livell ta’ kattiverja li kienet għaddejja biha fuq Joseph Muscat. Fil-fatt kien intqal li kienet se tagħmel minn kollox biex tkissru. Kemm ġelditu ma’ nies fuq il-każ ta’ Soho, mingħajr ma qalet min kien il-beneficial owner ta’ dak il-business partikulari. Kemm ħolqot stejjer fuq Soho b’tali mod li kien hemm min ħaseb, li Adrian Delia ma kienx biss avukat tal-kumpanija, imma kien imur fil-bieb tal-club iħajjar lil min jidħol. B’dak il-livell iġġilidtulu lil Adrian Delia. Imbagħad inqdejtu bil-football biex tkomplu ġġeldu n-nies miegħu. Insomma kontu qiskom qed tiġġieldu ma’ xi extraterrestru, ma xi ħadd li ma kienx minn din il-pjaneta bħalna. Insejtu ħaġa waħda li kontu qed tiġġieldu ma’ gladjatur li kien ikkumbatta fl-aqwa areni madwar id-dinja.

‘Then you win’. Gandhi hekk għalaq il-kwotazzjoni tiegħu. Int x’taħseb Dr Fenech Adami? L-elezzjoni ġenerali fil-qrib. Int qed tagħmel xi ħaġa li ma għamiltha qatt qabel. Qed iddur id-djar. Qed tmur tittallab il-vot. Allura bil-fors ikolli nikkonkludi li qed tibża’. Int qabel kont dejjem moħħok mistrieħ mill-voti għax kunjomok kellu saħħa straordinarja fit-tmien distrett. Tant hu hekk li lanqas se tikkandida ruħek fuq distrett ieħor, għax qed tirrealizza li biex iddur in-nies għall-ewwel darba, fih ix-xogħol u jirrikjedi l-ħin. Allura għalhekk qed taħseb fik innifsek u mhux fil-partit. Kieku ħsibt fil-ġid tal-partit, bħala ex-Viċi Kap u bil-kunjom Fenech Adami, kont tniżżel ismek għal distrett ieħor. Imma le. Se tikkonċentra biss fuq il-Karkariżi u tal-madwar. Jekk terbaħx int jew jekk jerbaħx Dr Delia, jien ma nistax ngħidu. għax ma għandiex dak il-privileġġ li naqra l-futur. Imma li hu żgur hu, li Dr Adrian Delia se jagħtik tellieqa serja, nadifa, kostanti u edukata għax aħna nafu li Dr Delia ma jilgħabx logħob maħmuġ u malinn. Imbagħad hemm inkunu nafu min verament rebaħ!

One comment

Leave a Reply