Il-vizzjoni ta’ ex-Kunsillier Nazzjonalista għall-edukazzjoni u l-partit
Blog post minn osservatur politiku
Kull min jikteb fuq il-politika f’dan is-sit ilu jesprimi kif sejrin l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista. Ilu jintqal li l-Partit Nazzjonalista jekk mhux se jdaħħal id-dixxiplina fuq in-nies tiegħu stess, jekk mhux se jifforma strateġija sura ta’ nies, jekk mhux se jara li ħadd ma jitwarrab jew jinħaraq u jekk mhux se jisma’ lin-nies biex joffri viżjoni konkreta, ikun qisu qed jagħżaq fl-ilma.
Bi pjaċir smajt lil George Muscat ex-tesserat, ex-kandidat għall-elezzjoni ġenerali, illum ukoll kunsillier fil-Kunsil Lokali tiegħu bħala Indipendenti f’intervista mal-LovinMalta. Inħoss li tana raġun u kkonferma dak kollu li ilu jinkiteb fuq dan is-sit. Huwa beda biex wera il-weġgħa kbira tiegħu għax l-opinjonijiet u l-proposti tiegħu baqgħu fuq l-ixkaffa, anzi kien hemm politiċi li lanqas jappartjenu għall-cluster tal-edukazzjoni, li serqu l-ideat tiegħu u xandruhom bħala tagħhom. Ara xi pwerilita’ ta’ nies.
Meta rreżenja kemm minn tesserat u minn kandidat, ħass li għandu jagħti tbeżbiża lill-Partit Nazzjonalista, li tiegħu diġa’ kien Kunsillier fil-Kunsill Lokali, Qormi. Illum spiċċa kunsillier indipendenti għax għadu jirrispetta ħafna lil min ivvutalu. Ħass li kellu jibgħat messaġġ ukoll u jistieden lill-Partit Nazzjonilista jirrifletti għaliex in-nies tal-qalbha issa qed jitilquh. Għaliex mhux jieħdu ħsieb il-kandidati ġodda kollha? Għaliex ma ssejħulhom qatt?
Peress li George Muscat huwa għalliem ġo skola sekondarja, huwa ressaq ħafna proposti fuq l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu. Semma li l-għalliema, minħabba burn out, għandhom ikollhom numru ta’ snin speċifiku fil-klassi, simili bħall-pulizija. Wara jekk iridu jiġi reinstated jew jirtiraw. Propona azzjoni immedjata għall-istudenti li jħossuhom ħażin minħabba s-sħana li għadha teżisti fl-iskejjel. L-ambjent fl-iskejjel, li kif qal qabel, politiku ieħor qabad u tkellem fuqu mingħajr ma’ kkonsulta mal-cluster rilevanti.
George Muscat qal li teżisti Oppożizzjoni bla viżjoni. Hu jħoss li ma jistax ikun li għadd hemm min irid jitkellem fuq negativita’ u korruzzjoni biss. Ma jistax ikun, kompla George Muscat, li kull ma jsir mill-Gvern kollu ħażin. Hu kien jippostja dejjem messaġġi pożittivi. Darba għadda kumment pożittiv u qal li qabel mal-fast ferries għal Għawdex u awgura suċċess fis-servizz. Ċemplulu fil-pront Francis Zammit Dimech u Alessandro Farrugia biex ineħħi l-kumment.
George Muscat huwa bniedem li ma jiddejjaqx jsejjaħ tajjeb dak li hu jħoss li hu tajjeb. Imma min hemm illum dan ma jaċċettahx. Kemm prova Dr Delia jdaħħal din it-tip ta’ politika. George Muscat spiċċa jħossu anżjuż kull darba li jipprova jtella’ post.
Dan l-ex-kandidat qal xi ħaġa li l-qarrejja ta’ dan is-sit ilhom jisimgħuha u jiktbu fuqha. Muscat qal li rċieva ħafna messaġġi minn għand Nazzjonalisti u Laburisti meta rreżenja. Saħansitra bagħatlu messaġġ il-Prim Ministru biex jagħmillu kuraġġ f’dan iż-żmien diffiċli. Imma minn għand Bernard Grech, il-Kap tiegħu, ma sema’ xejn. Lanqas mistoqsija waħda biex jara x’ġara. Tal-mistħija! Ċempillu Zammit Dimech u qallu biex jiltaqgħu. George Muscat ma aċċettax għax hu kien ilu ħafna jitlob appuntament u qatt ma offewlu ħin. Fil-fatt lis-Segretarju Ġenerali qallu issa too late!
Dan l-ex-kandidat ħass li kien qed jiġi mwarrab u ma ġie mistieden qatt għal ebda press conference. Saħaq li dejjem l-istess uċuh fuq it-television. Ovvjament kandidati oħra fuq id-distrett tiegħu, bħal Ryan Callus u Jerome Caruana Cilia, għandhom preferenza assoluta. Għax talab hu kien ftit fuq ir-radju. Imma television qatt. Kien iħossu skomdu jirrispondi lill-kostitwenti tiegħu meta jistaqsuh, imma int għax qatt ma tidher?
Huwa jaf u għalhekk iħossu ddisgustat li hemm nies fuq id-distrett tiegħu li dejjem fuq it-television u jidhru mbuttati sewwa mill-Partit. Muscat kompla li l-Partit Nazzjonalista jgħid li qed iħoss il-polż tal-poplu, imma mhux veru. George Muscat stqarr li għandu dubju serju minn rebħa Nazzjonalista għax saħaq li jekk ma jkollokx pjan strateġiku kif se twassal il-messaġġ politiku tiegħek u kif se toffri Malta aħjar, kif tista’ tasal.
Hu jemmen li l-Labour qed jwettaq dan b’mod tajjeb ħafna, baqa’ qrib in-nies is-sena kollha, jara kontinwament x’inhuma l-weġgħat tan-nies dejjem u mhux lejlet elezzjoni. Huwa stqarr li ma jaqbilx mal-ħafna xinxilli tal-PR. Iżur x’imkien Bernard Grech u ħafna kandidati madwaru ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Muscat huwa bniedem pożittiv ħafna, allura jdejqu xi ħadd li jitkellem fuq negattivita’ biss. Ma jiddejjaqx jgħid fejn sar tajjeb mill-Gvern imma jsostni li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar.
Meta mistoqsi mill-LovinMalta, huwa għadda messaġġ lil Bernard Grech u qal li diġa’ awgurali kull suċċess. Biss kompla jgħidlu li hemm bżonn ta’ ħafna iżjed laqgħat ma’ ħafna stakeholders. Importanti li jsib strateġista li jagħmel strateġija politika għax ma hemmx. Importanti li jara min huma dawk li tassew ma jridux nies ġodda bħala kandidati u jara kif se jikkonvinċihom li hemm bżonn isir hekk. Importantli li jisma’ lin-nies li qed jgħaddu messaġġ ċar li hemm nies li xebbawhom u ma jridux jarawhom iżjed. L-aħħar parir mingħand bniedem li dejjem man-nies kien, li biex tirbaħ il-fiduċja tan-nies, Dr Grech irid ikun kredibbli u jkollu viżjoni ċara li s’issa għad ma għandux.