Wasal iż-żmien li nerġgħu mmorru għall-aerials fuq il-bjut

Meta taqra x’ġara dwar il-logħob tal-futbol u kif, allavolja persuna kellha kuntratt u xtara stazzjonijiet mingħand provider, dan ġie mċaħħad milli jara ċertu stazzjoni waqt ħin partikolari, nikkonkludi, li wasal ż-żmien li nerġgħu mmur għall-aerials fuq il-bjut. B’hekk inkunu nistgħu naraw l-istazzjonijiet Taljani li riedu mingħajr ċensura. Infakkar li dawn konna narawhom b’xejn. Meta kellna l-aerials ħadd ma kien jagħmel ċensura. Darba kien hemm anki attentat wara li nfetaħ Studio Master imma dan kien falla. Veru kienu ftit koroh fuq il-bjut, biss naħseb issa bil-bini għoli li qed nibnu għandna strutturi aktar koroh mill-aerials.

Dak li ġara u qed jiġri fil-ballun f’dawn il-jiem qed juri lil kulħadd, anki forsi lil dawk li mhux daqshekk intiżi fil-politika jew kontra xi injection, li s-sistema tax-xandir illum tista’ faċilment tkun ċċensurata. Min qed jagħtina l-informazzjoni, jista’ jiddeċidu hu x’naraw u x’ma narawx.

Forsi meta ċ-ċensura saret għar-raġunijiet politiċi, xi uħud qalu sewwa għamlu. Dawk li ġew iċċensurati huma estremisti. Meta saret kontra dawk li ma jridux il-vaċċin, intqal, sewwa għamlulhom għax dawk theddida għas-saħħa.

Issa saret kontra dawk li jħobbu l-isports. Ma hemm xejn politiku jew kontra s-saħħa, biss qegħdin jgħidulek li jekk trid tara logħba trid tara biss minn channel li riedu aħna u f’daqqa waħda, fuq dak iċ-channel jista’ jispiċċa anki biex xi politiku jinbidel f’kummentatur sportiv.

Mela issa jekk xi ħadd jakkwista t-territorial rights kif ġara fil-każ tal-PBS, anki jekk inti għandek kuntratt biex tara stazzjonijiet u qed tħallas għal dan il-fatt, dan jiġi nnegat u inti qed tkun obbligat mill-provider biex tara l-programm jew il-logħba mil-liema stazzjoni iridu huma bil-kummentarju li jridu huma. Daqshekk hija kbira l-liberta’ li din id-dinja liberali qed toffrilna!

Fi kliem ieħor, meta kellna l-aerials, ħadd ma seta’ jibblokkana u konna aktar liberi li naraw dak li rridu. Konna aktar ħielsa l-bieraħ, milli aħna llum!

One thought on “Wasal iż-żmien li nerġgħu mmorru għall-aerials fuq il-bjut

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *