L-inġinier Chris Ciantar u l-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

L-aħħar mossa tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hija li jerġgħu jiddaħħlu nies lura li kienu hemm qabel 2013. Dan wassal għall-kritika min-naħa tal-Gvern fuq l-għażla ta’ dawn in-nies kemm fid-Dar Ċentrali kif ukoll fuq livell nazzjonali.

Jidher ċar li b’Ray Bezzina bħala Kap tas-Segretarjat ta’ Dr Bernard Grech, rnexxielu jikkonvinċi lil Bernard Grech biex jinnomina lil Chris Ciantar, li kien Segretarju Permanenti tal-Ministru George Pullicino, fuq il-Board tal-ERA.

Donnu l-Partit Nazzjonalista, li l-Kap tiegħu kontinwament jgħid li jrid jimmodernizza u jirrinova il-partit tiegħu, jidher li qed iħares lura lejn dawk li kienu ‘Allat’ fi żmien il-Gvern ta’ Gonzi u jiddeċiedi li jerġa’ jħeġġiġhom isibu posthom fuq quddiem fil-Partit Nazzjonalista għal darba oħra.

Biss wieħed jistaqsi jekk din hix l-aħjar strateġija. X’messaġġ irid jibgħat il-Partit Nazzjonalista? Il-messaġġ hu dak li persuni li kienu fil-poter qabel 2013 ser jerġgħu jiddaħħlu fit-tmexxija jew minflok irid jibgħat messaġġ tad-deheb li li bħala partit politiku għandu fiduċja f’nies ġodda u pjuttost żgħażagħ u jrid jibda jappunta lilhom fuq dawn il-bordijiet. Għala qed ngħid hekk?

Għaliex fuq il-każ tal-board tal-ERA, il-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunita’ li jinnomina żgħażugħ/a li kapaċi jitkellmu fuq l-ambjent u jibgħat messaġġ li l-partit nbidel u li nfetaħ għal min verament irid jgħin lil pajjiżna. Imma le x’jiġifieri dan il-partit fl-Oppożizzjoni jħares ‘l quddiem? Kien importanti għan-nies fit-tmexxija preżenti, li jaġevolaw lill-klikka ta’ ribelli li kellha sehem kbir u uniku biex poġġa lin-nies fit-tmexxija fid-Dar Ċentrali llum. X’għamlet il-klikka? Dawn reġgħu nnominaw lil wieħed minn sħabhom, individwu li għalkemm kapaċi u għandu kredenzjali tajba, inħaraq fi żmien Gonzi.

Setgħu għażlu xi wieħed mill-ħafna żagħżagħ li qed jagħmlu PhD fuq is-settur tal-ambjent jew Marco Cremona, ambjentalista magħruf u l-ewwel Malti li tela’ fuq l-Everest. Insomma, kien hemm ħafna iżjed nies minn fejn tagħżel mingħajr il-bżonn li jmorru lura 10 snin u jkomplu jibgħatu messaġġi li ma naħsibx li huma pożittivi.

Hawnhekk nixtieq nagħlaq b’xi mistoqsijiet lill-amministrazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista. Huwa minnu li Ray Bezzina qed jindaħal fl-istrateġija ambjentali tal-Partit Nazzjonalista? Huwa veru li addirettura jindaħal f’dak li għandhom jitkellmu fuq id-deputati dwar l-ambjent fil-Parlament? Huwa veru li kienet deċizzjoni tiegħu li l-proposti tal-partit fuq l-ambjent ma joħorġux għalissa? Huwa veru li l-Partit Nazzjonalista qed jikkonsulta ma’ Chris Ciantar fuq l-istrateġija ambjentali għall-futur?

2 comments

Leave a Reply