Id-diskors ta’ Dr. Bernard Grech fil-Parlament fuq FATF: Favur jew kontra l-għaqda Nazzjonali?

Minn osservatur politiku

Il-Parlament tlaqqa’ it-Tnejn 28 ta’ Ġunju filgħodu biex jiddiskuti l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq ta’ Jobsplus għas-sena finanzjarja 2021. Il-Ministru tal-Finanzi fetaħ id-dibattitu u żamm mas-suġġett tal-Estimi msemmija. Irrisponda l-Kap tal-Oppożizzjoni li ħalla għal kollox is-suġġett u tkellem, forsi deċizzjoni li tagħmel sens, fuq il-Greylisting mill-FATF.

X’ħin ħa l-kelma Dr Bernard Grech l-ewwel ħaġa li qal kienet li d-diskors tal-Ministru kien surreali. Dan kollu għax il-Ministru baqa’ mas-suġġett. Qal li l-Ministru jibża’ u jistħi li ħadna dan iċ-ċertifikat. Waħħal li dan iċ-ċertifikat ħadu l-Partit Laburista. Indika li mhux sew li l-prim ministru qed jgħid li ‘business as usual’ u sostna li f’pajjiżna għandna bżonn ta’ politika differenti.

Għalija huwa diffiċli nifhem kif kap ta’ partit jasal biex jgħid li l-Prim Ministru ma hu qed iħoss xejn jinkwietah tant li jorqod trankwil. Ikkritika li l-Gvern ma għamel ebda proposta diċenti u li l-istess Gvern qed jaħseb li il-Greylisting se jgħaddi waħdu. Kompla jikkritika li l-Prim Ministru qed jgħaddi messaġġ biex ma nitkellmux fuq il-Greylisting u li Dr Abela qed jagħti impressjoni ta’ kollox OK.

Dr Grech semma li l-President tal-FATF giddeb lill-Ministru tal-Finanzi Malti. Huwa sfida lill-Gvern biex jibda’ jgħid il-verita u ma jibqax jgħaddi ż-żmien bin-nies. Jieqaf minn dawn il-ħafna cliches, kliem ta’ kburija u ftaħir, taptip fuq id-dahar. Dawn ma jwasluna mkien u mhux se joħduna ‘l quddiem. Dr Grech qal li ħa pjaċir jisma’ lill-Prim Minstru jgħid li se jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika bħallikieku l-Prim Ministru qatt ma kien qala’ qabel.

Ikkritika li ċ-ċirkustanzi ta’ madwarna tbiddlu mar-rapport tal-FATF u li l-Gvern qed jipprova jaħbi l-verita’ u xorta pajjiżna se jpattiha qares meta jingħalaq il-vit, li se nbatu lkoll, se jbatu wliedna u ulied il-poplu kollu. Dan kollu sar għax il-Gvern baqa’ jipproteġi lil dawk li għamlu ħsara lill-pajjiżna. Wara dan kollu Dr Grech qal li hu jrid consensus nazzjonali għax dmirna huwa lejn il-poplu, dak l-istess poplu li għandu rabja kbira għall-gvern li witta t-triq għal dan kollu u issa se jbatu l-konsegwenzi l-ħaddiem. Kompla jgħid li kull azzjoni li kien qed jagħmel il-Gvern kienet se twassal għall-ħsara kbira. Hu saħaq li jibqa’ joffri l-id tal-għajnuna.

Sostna li ma jistax ikun li l-Gvern ikompli bl-attitudni ta’ suppervja, arroganza u pretenzjoni li qisu hu biss jaf kollox. Għamel paragun ma’ bniedem li ttajru karozza u jkollu bżonn l-għajnuna ta’ kull ħadd f’dak il-mument ikrah għalih. Xela lill-partit fil-Gvern li taw daqqa ta’ karozza lill-pajjiżna, għamillu l-ħsara u li weġġgħu lil Malta.

Baqa’ isostni li l-Gvern qed jgħid li ma għandux bżonn task force għax hemm kumitat tekniku u allura l-Gvern ikompli jistiena rasu li jgħid li hu waħdu għandu s-soluzzjoni. Emfasizza li l-Gvern għandu t-tort kollu, illi ‘this is his doing’ u allura jrid li jsolvija hu. Dr Grech kompli li mhuwiex il-mument tas-suppervja u li l-ebda żjara f’Berlin jew l-ebda diskors tal-Ministru Bartolo fuq il-Facebook li se jibqa’ ottimist, ma huwa se joħroġna minn dan kollu.

Dr Grech indirizza lil Prim Ministru u qallu li ġagħaltna nistħu, fallejt għax ħallejt is-suppervja tikkmandak u għadek sa issa tħalli l-istess suppervja tikkmandak. Hu sostna li ma għandniex nibqgħu bil-politika tal-bitħa tal-iskola u min għandu l-iżjed saħħa, min jaf jippoża u min kapaċi li jintefaħ l-aktar u li se jerbaħ. Dr Grech qal li pajjiżna għandu bżonn politiċi maturi u serji u mhux politiċi li jitkellmu biss għall-gallarija u għall-PR.

Reġa’ semma li l-Prim Ministru għajru ‘cheap’ u li jibqa’ jsemmi din sa meta l-Prim Ministru jħoss li għandu jiskuża ruħu anke b’mod personali. Dr Grech qal lill-Prim Ministru li kien il-gvern tiegħek li ġab lill-isem pajjiżna ‘cheap’ u wiegħed li lest li dak li mhux kapaċi jagħmel il-Gvern jagħmlu l-Partit Nazzjonalista jekk il-poplu jagħtihom l-fiduċja biex immexxuh.

Wara dan id-diskors li ma jinkoraġġix l-għaqda li huwa stess jixtieq, Dr Grech għadda biex joffri xi proposti (li se nikteb fuqhom f’artklu ieħor). Jien nawgura li kull politiku jħares ftit fil-mera u jistaqsi lilu nnifsu, b’dak li qed ngħid u nagħmel qed naħdem biżżejjed għal pajjiżi? Bil-mod li qed naġixxi qed inkun ta’ ġid għal pajjiżi? Bl-attitudni tiegħi qed inkun ta’ għajnuna biex b’xi mod nagħmel xi pass ‘l quddiem biex nasal biex inwitti t-triq biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni griża?

Open photo

One thought on “Id-diskors ta’ Dr. Bernard Grech fil-Parlament fuq FATF: Favur jew kontra l-għaqda Nazzjonali?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *