Tar-Repubblika ser jitolbu investigazzjoni fuq David Casa fuq ‘bad governance’?

Il-bieraħ il-Ħadd, David Casa, kien fuq quddiem tal-magazine FIRST li ħareġ mal-Independent on Sunday. Tbissimt meta ftakart li xi ġimgħat ilu, l-istess magazine, kellu lil Roberta Metsola fuq il-faċċata tiegħu. Kif rajt ir-ritratt ta’ David Casa, mill-ewwel ċarrat ħalqi u għidt jekk waħda tipprova tagħmel ħoss, jaqbeż l-ieħor u jagħmel bħalha.

Biss il-mistoqsija li trid tkun mistaqsa hawn hija din. Dan il-feature kien bil-flus jew b’xejn? Jekk kien bil-flus, kemm ħallas għalih David Casa u min ħallsu? Ħallsu David Casa minn butu jew mill-flus li hemm allokalti lil MEPs biex jużawhom u jonfquhom fuq propaganda personali? Dak li hu żgur li kien hemm l-arma tal-Ewropa u għalhekk it-tweġiba tiġi waħidha.

U allura jekk tħallas minn flus Ewropej, kif jidher li tħallas, ma tħossx ir-Repubblika li għandha tipprotesta? Ipprotestat fuq tliet larinġiet, ma tipprotestax fuq dan? Ma tħossx l-Għaqda Repubblika li anki jekk hawn ma hawn xejn immorali, dan mhux sinjal ta’ good governance? Għaliex ma hawnx good governance? Għaliex politiku li ġie elett MEP qed ikollu budget li jista’ jużah għall-propaganda tiegħu personali meta ħaddieħor, li ħareġ u ma ġiex elett jew bi ħsiebu joħroġ kandidat u għadu mhux fil-Parlament Ewropej, ma għandux. Dan ifisser li MEP għandu vantaġġ fuq oħrajn.

Hemm punt ieħor li jorbot mal-good governance. Naħseb li David Casa ma stenniex li f’dan il-magazine ser ikun hemm feature interessanti fuq Firenze u l-familja Mediċi li ddominat din il-belt matul ir-rinaxximent Taljan. Mela r-ritratt professjonali tiegħu tfaċċa ma’ diversi ritratti oħra fuq ġewwa tal-magazine. F’moħħi ħsibt u għidt ara kemm lagħbuh tajjeb tal-Independent lil David Casa!

Fl-opinjoni tiegħi għaddewh biż-żmien bil-pulit u fuq kollox ġiegħluh iħallas ukoll. Ħallas kollox hu u ġabu feature miegħu fuq familja famuża Taljana li bħala storiku ħadt gost naqrah. Biss irridu nammettu li għal propaganda sfaċċata mill-MEPs, ‘money no problem of course’. Ara fuq dan il-punt, tar-Repubblika u sħabhom ħalqhom magħluq għax dan wieħed minnhom.

Dawn in-nies li nivvutawlhom aħna għandhom flus tajba x’jonfqu biex jippubblikaw fuq magazine salt ritratti tagħhom. Ovvjament tal-Independent ma qalulux le u ħadulu flusu. Imma pulit, pulit jew forsi b’kumbinazzjoni ġabu dan il-feature fuq din il-familja Medici. Infakkru li din il-familja rnexxilha tikkontrolla lill-Belt ta’ Firenze bil-ħbieb tal-ħbieb. U x’għamel Casa? Ġab numru ta’ ritratti f’dan il-magazine mal-iżjed nies influenti fi Brussel. Dan mhux ukoll sinjal tal-ħbieb tal-ħbieb?

Wieħed irid jiftakar li l-Medici irnexxielhom itajru nies mill-poter b’manuvri minn taħt, ħallsu lil dawk l-iżjed influenti biex idoqqu d-diska tagħhom. Kienu jħobbu l-arti u l-kultura bħala mezz ta’ divertiment iżda wkoll biex isostnu iżjed l-influenza soċjali tagħhom. Bħal donnu dan kollu qiesu qed jerġa’ jiġri llum u ara hawn tar-Repubblika u s-Soċjeta’ Ċivili ma jgħatjux li dan mhux good governance!

2 thoughts on “Tar-Repubblika ser jitolbu investigazzjoni fuq David Casa fuq ‘bad governance’?

Leave a Reply

Your email address will not be published.