Tar-Repubblika jridu gvern ġdid waqt li juri li ma għandhomx fiduċja f’Bernard Grech

Bernard Grech qed jipprova jeleva l-politka fuq livell ta’ maturita’ u serjeta’ u sħabu tar-Repubblika jgħidulu ‘you are not fit for purpose’ għax qed jitolbu ‘Gvern ta’ Solidarjeta’ Nazzjonali’. Għal Repubblika n-nies magħżula jridu jkunu esperti tekniċi anke f’qalbhom. Repubblika qalet lill-membri tal-Parlament taż-żewġ naħat tal-kamra biex iċedu posthom u jħallu teknokratiċi jpoġġu fuq il-pultuni parlamentari biex imexxu dan il-Gvern ta’ Solidarjeta’ Nazzjonali. Bil-posta bagħtilek Dr Bernard Grech, il-ħabib tiegħek Robert Aquilina, l-President tal-Għaqda Repubblika. Qallek int ħambaq kemm trid imma aħna ma fadlilniex fiduċja’ fik.

Qed jgħidlek warrab int u sħabek kollha u ħallu f’idejn ħaddieħor għax int u sħabek ma tafu xejn fuq din il-problema. Aquilina qal li l-FATF tefgħetna fi kriżi u dan il-kelliem qed jgħid b’konvinzjoni li, l-istess nies li daħlu lill-pajjiżna f’din il-kriżi, ma jistax ikollu l-fiduċja tiegħu fihom, biex ikunu kapaċi joħorġuna minnha. Robert Aquilina kompla jgħid li l-pajjiż u speċjalment il-politiċi jridu jirrikonoxxu r-raġunijiet veri li minħabba fihom tpoġġejna fuq il-greylist. Il-pajjiz għandu bżonn jifhem li l-affarijiet ħżiena li saru minn Maltin bħalna, kellhom effett determinanti fuq dak li għamlet l-FATF.

Biex noħorġu minn dan l-isqaq ikrah Repubblika qed tipproponi, li l-forżi politiċi, jwelldu dan il-Gvern ġdid li jkollu mandat stabbilit biex iwassal lil-pajjiż sa l-elezzjoni ġenerali f’Ġunju tal-2022. Dan il-Gvern ġdid irid ikollu fih numru ta’ nies tekniċi li għandhom livell ta’ integrita’ u kapaċita’ magħrufa.

Dr Grech ara x’qed jgħidlek Robert Aquilina u nispera li qed tifhem il-messaġġ. Li jattakkaw lil Gvern ta’ Robert Abela kien dejjem parti mill-aġenda tagħhom dawn ta’ Repubblika. Imma llum marru pass oltre. Dawn għall-ewwel darba qed jgħidu lil Bernard Grech u sħabu biex iwarrbu għax ma għandhomx livell ta’ integrita’ u għandhom nuqqas kbir ta’ kapaċita’. Meta Robert Aquilina jgħidlek li jrid nies li għandhom doni preċiżi, ikun fl-istess ħin qed jgħid li min hemm bħalissa ma għandux dawn l-istess doni.

Prosit Dr Grech u dawn huma n-nies li poġġewk fuq is-siġġu li qed tokkupa fil-Partit Nazzjonalista. X’vot ta’ fiduċja qed jagħtik, ħu Karol Aquilina li huwa fil-grupp parlamentari tiegħek! Tgħid kien informak ħu Robert li se joħroġ b’attakk iebes bħal dan fuqek, Dr Grech?

Robert Aquilina qed jgħid li l-membri kollha fil-Parlament preżenti jridu jirreżenjaw biex jieħdu posthom dawn it-teknokratiċi, taħt it-tmexxija ta’ Prim Ministru magħżul biex imexxi. Qed jgħidlek Dr Grech li lanqas iridu lil xi ħadd bħalek imma qed jgħaddulek messaġġ biex int u l-partit tiegħek tmorru torqdu, kif jgħid l-Ingliż ‘go and hibernate’ għal tnax-il xahar meta dan il-Gvern, skond Robert Aquilina, għandu bżonn biex jwettaq riformi u azzjonijiet biex fi żmien sena Malta toħroġ mil-lista l-griża.

Skond Repubblika dan il-Gvern ġdid irid jerġa’ jibni u jsaħħaħ l-istituzzjonijiet biex ikun hemm politika ta’ kontabilita’ bi prinċipji sodi ta’ governanza, demokrazija u biex l-elezzjoni fl-2022 issir b’mekkaniżmi demokratiċi serji. Dan il-Gvern ġdid, skond Aquilina, irid ikollu wkoll mandat biex jassikura li l-pulizija ikollha l-fakulta u d-determinazzjoni biex tressaq quddiem il-ġustizzja nies li kienu u għadhom fil-politika, u oħrajn imċappsin magħhom, li kienu u għadhom igawdu mill-impunita’.

Repubblika jridu wkoll reżenji en-bloc tal-bordijiet tal-Bank Ċentrali, l-Awtorita’ tas-Servizzi Finażjarji Maltija u FIAU. Għax skond Repubblika dan huwa l-mument tal-verita’ għall-poplu Malti u Għawdxi jekk ma rridux nikkundannaw il-futur ta’ pajjiżna għall-ħafna iktar swidija.

L-Għaqda Repubblika dejjem kienu kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat u ta’ Robert Abela. Imma llum dawru l-kanuni tagħhom fuq l-Oppożizzjoni mmexxiha minn Bernard Grech. Għall-ewwel darba għandna vot ta’ sfiduċja mill-allejati tal-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-istess Partit u tal-Parlamentari tiegħu. Ma tantx jagħmel kuraġġ lill-Partit fl-Oppożizzjoni li fi żmien Simon Busuttil kien spalla ma’ spalla, anzi persważ li kien aktar minn hekk, ma’ Repubblika. Ma tantx jagħtini sinjal ta’ fiduċja f’Bernard Grech meta niftakkru li dawn l-istess nies kienu jattakkaw lil Adrian Delia fuq kull ħaġa possibbli. Imma konna ħsibna li issa kuntenti b’Kap, li Repubblika stess tant ħadmu biex jelevawh fuq is-siġġu l-aktar għoli fil-Partit Nazzjonalista. Is-sinjal li qed jasal id-Dar Ċentrali minn għand Repubblika huwa wieħed ċar, la għandna fiduċja fik Dr Grech u lanqas f’dawk ta’ madwarek.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *