Għaliex paxxejnihom lil tal-FATF?

Blog post minn osservatur politiku

L-editorjal ta’ Illum kellu dan it-titlu ‘Paxxejnihom!’. Albert Gauci Cunningham qalilna li lil min jrid jagħmlilna l-ħsara ma npaxxuhx aktar. Huwa jaqbel, bħal ma jgħidu ħafna Maltin u Għawdxin, li huwa raġunament pwerili li noqgħodu nwaħħlu fil-Labour jew fin-Nazzjonalisti. Issa hemm bżonn li bħalha poplu naħdmu flimkien ħa noħorġu minn dan l-isqaq mudlam. Jekk il-politiċi se joqgħodu jippuntaw is-swaba u ma jingħaqdux biex isir dak li għandu jsir Malta u l-poplu tagħha se jibqa’ jbati.

Naqbel ħafna mal-editur meta qal li l-evazzjoni tat-taxxa ma bdewx malli nqaleb il-Gvern fl-2013. Kemm niftakkru, li meta John Dalli kien Ministru tal-Finanzi kien ħareġ skema li min iġib lura flusu Malta kien jeħel 3% biss. Dak iż-żmien kienu ftaħru li kienu ġew lura miljuni. Din saret ukoll taħt il-Gvern Laburista. Allura dawn li ġabu flushom lura mhux kollha kienu evażuri tat-taxxa? U dan taħt iż-żewġ gvernijiet.

Kien hawn u issa nisperaw li ma jibqgħux, ħafna negozji li jinfetħu biss biex iservi ta’ veikolu biex jiġu maħsulin il-flus. Dan ma hu ebda sigriet. Il-problema hi li l-effettivita’ tal-awtoritajiet konċernati mhux taħdem u din hija waħda mir-raġunijiet għaliex weħilna mill-eżami.

Mela biex infiequ rridu bil-fors naqbdu l-barri minn qruni, u mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ ħadd nibdew niddixxiplinaw ruħna. Ma jistax ikun li min fuq kafetterija (qed nieħdu biss bħala eżempju) jgħixu tlieta jew erba’ familji u jgħixu tajjeb, b’ħajja lussuża. Dan x’juri? Kif jista’ jkun li minn ħanut bħal dak ikun jistgħu jgħixu u jagħmlu il-kapriċċi? Aħna ma twielidnix il-bieraħ u l-affarijiet kulħadd kapaċi jarahom. Allura l-awtoritajiet ma jindunawx? Jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, rridu naċċettaw li kemm ilhom li ġew l-FATF fl-2019 u qalu lill-Gvern li għandu 58 qasam li jrid jaħdem fuqu, saru ħafna tibdiliet legali, imma sfortunatament inqasna mill-effettivita’ tal-istess liġijiet. Apparti minn hekk, fuq 3 minnhom ma ħdimniex biżżejjed u riżultat ta’ dak weħilna.

Irridu nkunu onesti magħna nfusna u nammettu li dawn kollha saru f’dawn l-aħħar sena u nofs. Naqbel mal-editur li la għamilhom Joseph Muscat u lanqas ebda Gvern Nazzjonalista qabel. Biss dan l-istess Gvern ma ħadimx biżżejjed biex laħħaq ma’ kollox. Forsi wkoll seta’ saru affarijiet qabel l-2019 meta ġew l-FATF. U hawn naħseb fejn nistgħu naraw in-nuqqas u bilfors ikollna nistaqsu. Kien hemm volonta’ mill-Gvern ta’ Joseph Muscat li jtejjeb l-effettivita’ ta’ dawn l-istituzzjonijiet? Kellu idejh marbutin u ma tħallix, għax kien idawwar ħabel ma’ għonq in-nies viċin tiegħu stess? L-editur jgħid li dawn ir-reati laħqu l-ogħla livell tagħhom bejn l-2015 u l-2020.

Kien ukoll dak iż-żmien li żewġ politiċi nkixef għawwarhom. L-iżball li se nibqgħu nġorru magħna huwa, li dak in-nhar ma ttieħdet ebda azzjoni dixxiplinarja, anzi sar minn kollox biex jiddefenduhom. Gauci Cunningham stqarr li lanqas l-oppożizzjoni ma hi qiegħda f’sitwazzjoni li tilabha tal-verġni. L-editur fakkarna li Bernard Grech ‘kien investigat u mwissi mid-Dipartiment tat-Taxxi li ma ħallasx it-taxxa dovuta għal snin sħaħ – madwar 12-il sena – u tella’ kont ta’ madwar €62,000 f’taxxa u VAT mhux imħallsa’. L-editur kompla jgħidilna li Dr Grech ma kienx iddikjara xejn hu, imma kixfitu il-gazzetta ta’ dan l-istess editur. Il-botta li qed jitfa’ l-editur hija li Bernard Grech mhux eżattament l-aktar persuna kredibbli li jista’ jippontifika fuq l-evazzjoni tat-taxxa.

Meta pajjiż jiftaħar ħafna bih innifsu u meta jkun jaf li l-affarijiet m’humiex sewwa, irid joqgħod attent kif jitkellem. Aħna għamilna ħsara lilna nfusna meta ftaħarna b’ħafna ħut fil-baħar u meta ftaħarna b’affarijiet li ma kienu trasparenti xejn. Dan serva biex paxxejna lil dawk li jistgħu jgħiru għal din il-gżira żgħira, imma li taf tottjeni s-suċċessi tagħha. Biss anke dan l-editur ma għaddhiex messaġġ ta’ disperazzjoni. Anzi wera’ tama li l-kulur griż mogħti lilna mill-FATF mhux l-aħħar tad-dinja

One thought on “Għaliex paxxejnihom lil tal-FATF?

Leave a Reply

Your email address will not be published.