Claudio Grech jgħid li l-pedamenti tas-settur finanzjarju jridu jibnew mill-ġdid
Blog post minn osservatur politiku
Il-bieraħ Ħadd 27 ta’ Ġunju l-gazzetta Illum tatna artiklu miktub minn Claudio Grech taħt it-titlu ‘Nerġgħu nibnu l-pedament’. X’qed tgħid Claudio li l-pedamenti fuq is-settur finanzjarju li tant tiftaħru bihom hu u sħabu jridu jerġgħu jibnew mill-ġdid. Allaħares nemmen dak li qed tgħid fit-titlu għax nibda biex inħoss moħħi, wara dak il-ftaħir kollu u saħansitra anke esponenti tal-Gvern jgħidu li huma saħħew dak li kien hemm għax kien mibni fuq sisien sodi. Mela skond int Sur Grech irridu nħottu kollox u nerġgħu nibdew mill-bidu nett.
Kompla s-Sur Grech u mill-ewwel fajjar li r-realta’ li se tkun dominanti f’pajjiżna se tkun iffukata fuq kemm se ndumu biex noħorġu minn dan l-impasse. Veru li hu mportanti li noħorġu malajr, imma aktar minn hekk Claudio, l-iktar importanti hu, li qabel inkunu ċerti li dak li weħilna fih ikun tpoġġa f’postu bi professjonalita kbira, għax jekk ngħaġġlu, u nersqu lejn ġudizzju ieħor mill-FATF u neħlu, dak ikun mument ta’ straġi ħafna akbar għal pajjiżna.
Mela jnutli li l-kap tiegħek joqgħod ipaċpaċ u jittama lill-poplu Malti li sa Ottubru nkunu nistgħu nerġgħu nersqu għat-test. Dan qed jagħmlu meta hu stess ammetta li ma jafx x’hemm fil-borma. Allura kif jista jparla hekk? Ma semmejt imkien Sur Grech li fl-2019 l-FATF infurmat lil Gvern li kellu quddiemu 58 nuqqas fis-sistemi lokali tiegħu. Illum nafu li Malta weħlet minn tlieta, għalkemm konsidrati bħala setturi mportanti ħafna.
Imma int li għandek influwenza kbira fuq il-Partit Nazzjonalista tal-lum ma tistax tibqa’ għaddej u ma ssejjaħx dak li hu abjad abjad. Ma tistax tħares lejn l-iswed biss għax ma tiġix emmnut. Sur Grech kif diġa għidt int ftaħart kemm-il darba bil-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar għoxrin sena bena ekonomija bbażata fuq is-servizzi permezz tal-infrastutrua diġitali. Irnexxielu wkoll jitbiegħed mill-prezz irħis tax-xogħol. Naqblu. Allura għalfejn qed issemmi l-pedamenti li kull ma jagħmlu, huwa li jwerżqu f’widnejn kulħadd li bnejna fuq it-tafal.
Din hija daqqa ta’ ħarta għal pajjiżna u kulħadd, jekk irridu mkunu sinċieri u ma nidqux bil-poplu, irridu nammettu dan kollu. Imma hemm għalfejn int u sħabek ħlief titkellmu fuq riperkussjonijiet u ġerħiet m’inthomx? Hemm għalfejn titkellmu qisna dħalna ġo mina li ma fiha ebda xaqq ta’ dawl? Tistgħu tibgħatu sinjal ta’ tama lil dan il-pajjiż flok sitwazzjoni ta’ bla possibilita’ ta’ xejn ħlief telfien, telfien u telfien.
Wara li għaddejt daqshekk messaġġi negattivi fl-artiklu tiegħek, f’ħin minnhom ktibt
“Iżda kif jgħid il-Malti, għal-magħmul m’hemmx kunsill. Bħala Oppożizzjoni matul l-aħħar tmien snin wissejna fuq li wissejna li ma’ kull pass li kien qed jagħmel il-Gvern. Kull ġurnata li tgħaddi kont qed nersqu dejjem aktar viċin il-preċipizzju li issa rridu nibdew telgħin minnu mingħajr dewmien iżda bil-galbu li jixraq sitwazzjoni prekarja bħal ma’ wasalna fiha”.
Prosit. Sewwa għamiltu kkritikajtu u ssuġġerejtu. Dak seta’ serva biex Malta għaddiet minn 55 sfida. Issa jonqos tlieta u obbligati li tagħmlu l-istess. Intom fid-dover li tkomplu tgħaqqdu lill-pajjiżna. Intom fid-dover bħala Oppożizzjoni tkompli tinkoraġġixxu lill-Gvern, anke bil-kritika kostruttiva tagħkom, biex fi żmien qasir imma mhux mgħaġġel, ngħelbu anke l-aħħar 3 sfidi li baqa’.
Fuq kollox aħna Maltin u Għawdxin u ma nistgħux noqgħodu lura mis-servizz tagħna lejn pajjiżna. Claudio Grech, le ma setax jagħmel kapital politiku minn sitwazzjoni bħal din Dr Bernard Grech. Le ma setax lanqas jipproponi task force nazzjonali. Taqbel jew ma taqbilx dik jipproponiha l-Gvern. Fil-fatt il-Ministru tal-Finanzi qalilna li diġa’ teżisti. Allura l-Partit Nazzjonalista irid jingħaqad ma dik eżistenti u jagħti sehemu hemm. Jekk Sur Grech int ċert minn dak li ktibt li
“Il-Gvern jemmen u jaħseb li jaf kollox u jista’ jagħmel kollox waħdu. Il-Gvern jinjora lill-Oppożizzjoni Parlamentari li tirrapreżenta 43% ta’ l-elettorat fil-Parlament. Din l-attitudni tribali ser tibqa’ toħloq id-diviżjoni, il-firda u d-diverġenzi anke f ’oqsma fejn huwa ċar li l-aħjar għażla ta’ politika hija dik ibbażata fuq il-kunsens”.
Il-Partit Nazzjonalista għandu għażla waħda li jibqa’ jinforma, jiddibatti, jiddiskuti u jipproponi. Jekk il-Gvern jibqa’ għaddej bid-divizzjoni, imbagħad jara l-poplu. Bħala Partit politiku, l-Partit Nazzjonalista jrid jagħżel biss it-triq tal-għaqda, it-triq tal-progress, it-triq li tbiegħdna minn kull inkwiet. Ma għandniex għalfejn insiru la l-aqwa fl-Ewropa u lanqas l-aqwa fid-dinja. Il-poplu Malti mhux daqshekk ambizzjuż. Il-poplu Malti jrid jgħix f’pajjiżu b’onesta, bi prinċipji sodi, bil-possibilita’ li ma jiddejjaqx iħaddan il-valuri tiegħu, bil-ħsieb li jgħix tajjeb għax imħallas sew u kif jixraq ta’ xogħolu, bl-assigurazzjoni li mhux qed jiġi sfruttat, bit-trankwillita’ li jgħix f’pajjiż fejn is-saħħa ssaltan u fejn il-paċi tgawdiha wkoll fil-komunita’ u mhux biss bejn il-ħitan ta’ darek.
