Riedu jwarrbu l-viċi-kapijiet waqt il-konferenza stampa

Blog post minn osservatur politiku

Meta tħares lejn ir-ritratt mehmuż ma’ dan l-artiklu, tinduna min qed imexxi l-Partit Nazzjonalista fil-preżent. Dan ritratt mehud waqt il-konferenza li saret il-Ħamis 24 ta’ Ġunju. Fir-ritratt jidher Bernard Grech u warajh hemm il-Viċi Kap David Agius. In-naħa l-oħra kien jidher ukoll Robert Arrigo l-Viċi Kap l-ieħor. Jiena naf bħala fatt, li l-ġenerali ta’ madwar Bernard Grech ma riedux li l-viċi-kapijiet jieħdu posthom kif suppost fuq il-ġenb tal-Kap tal-Partit. Huwa ta’ pjaċir għalija, bħala tesserat, li nara lil viċi-kapijiet f’posthom.

Jekk tridu li dawk ma jibqgħux hemm ejjew għandna t-tesserati, innominaw lil min tridu u niddeċiedu aħna. Iż-żewġ Viċi Kapijiet qiegħdin hemm bil-vot tagħna u l-vot tagħna biss ineħħihom, jekk ineħħihom. Fuq kollox naħseb li hemm se jibqgħu għaliex lil kull min avviċinajtu, sinjuri ġenerali, besqilkom mis-sunnara. Kellkom bżonn, ġenerali, tindunaw li mhux kulħadd lest li jilgħab il-logħba maħmuġa tagħkom.

Insellem lil Roberta Metsola u Joe Giglio tar-risposta rispettiva tagħhom. Mela ejja lil David Agius, li għalkemm jaħdem u jaqdi dmiru b’dedikazzjoni u lealta’, inġenbuh mir-ritratt u nitkellmu fuq min fadal f’dak ir-ritratt. B’wiċċi minn quddiem nista’ ngħid li dawk id-deputati li jidhru huma t-team Bernard Grech li bħalissa, flimkien mal-ġenerali imponuti fuq l-istess Bernard Grech, qed imexxu l-Partit Nazzjonalista.

Fir-ritratt ma tidhirx Kristy Debono, li kienet qiegħda fuq podium in-naħa tal-lemin ta’ Dr Grech, imma din irridu nżiduha ukoll mat-team Bernard Grech bħalissa. Għalkemm Karl Gouder ma jieħux pjaċir li jissejjaħ parti mit-team Bernard Grech, il-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-media tal-Partit tpoġġih f’sitwazzjoni li jkolli jiġbed il-ħabel jew jitlef ix-xogħol. Araw kif poġġewhom eżatt fin-nofs ħa jidhru kollha. Dawn tagħna mela joqogħdu fejn jidhru. L-oħrajn ipoġġu fejn iridu basta mhux fin-nofs.

U hekk ir-ritratt jonorana b’Claudio Grech, Claudette Buttigieg u Ryan Callus, it-tlieta parti integra mit-team Bernard Grech. Ryan Callus u Claudette Buttigieg huma voċiferi fit-tifħir tagħhom lejn Bernard Grech. L-ilsna ħżiena jgħidu li qabel kull grupp parlamentari jew eżekuttiv, fl-uffiċju ta’ Bernard Grech jidħol Ryan Callus biex jagħti l-pariri neċessarji ta’ kif għandu jitkellem il-kap tiegħu. Dan huwa dak id-deputat li ħaraq it-telephone tal-uffiċċju tiegħu jċempel it-tesserati biex jivvutaw lil Bernard Grech fit-tellieqa għal Kap. Huwa l-istess bniedem li qatt ma aċċetta lil Adrian Delia bħala kap. Huwa wkoll dak id-deputat li kien esprima li hu kellu dritt jaqrah daqs Adrian Delia ir-rapport ta’ Egrant. Ftakru li ma billx subgħajh fl-ilma imbeirek biex jakkwista kopja tar-rapport. Xempju ta’ arroganza assoluta.

Imbagħad jiġi l-uniku moħħ fin li Bernard Grech jista’ jgħid li għandu miegħu. U hawn jibda’ l-inkwiet tiegħi. Meta tkun taf li Claudio Grech qed jaħdem tant fil-viċin ta’ Bernard Grech, allura nistaqsi jekk kienx Claudio li kiteb dik il-famuża ittra lil-FATF. Ma nieħu xejn bi kbir għax naf li jidħlilhom affarijiet bħal dawn. Imma jekk nasal biex nikkonferma li hu kiteb dik l-ittra, kkritikata minn kulħadd, nasal biex nitlob ir-riżenja tiegħu minn kull pożizzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Ir-raġuni hija sempliċi, għax għalkemm nafu li l-firma hija ta’ Dr Grech, li sfortunatament ma qarax il-messaġġ ‘between the lines’, apparti li qala’ ħafna kritika għax qabad u ffirma mingħajr ma studja u fehem sewwa, poġġa lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni li minħabba dik l-ittra tilef il-porvli biex jispara l-kanuni tiegħu fuq il-Gvern u l-Partit Laburista. Dik l-ittra mgħaġġla ħarqet lill-Partit Nazzjonalista għax neżżatu mill-attakki kollha tiegħu. Fil-fatt il-kritika ta’ Dr Bernard Grech matul il-konferenza kienet fjakka u kull ma seta’ jagħmel kien li jerġa’ jitlob għal task force, meta Clyde Caruana l-Ministru tal-Finanzi qallu li dan diġa teżisti.

One comment

Leave a Reply