Il-Partit Laburista kisser pajjiż: il-Partit Nazzjonalista kisser partit.

Blog post minn osservatur politiku

Dik hija s-sitwazzjoni reali li għandna f’pajjizna bħalissa. Dan ħareġ ċar ħafna bid-deċizzjoni tal-FATF li poġġitna fuq il-lista il-griża. Pajjiżna spiċċa bla politiċi ta’ stoffa u kemm wieħed kif ukoll l-ieħor għamlu ħsara lill-partit rispettiv tagħhom imma ħafna agħar li għamlu ħafna iktar ħsara lill-pajjiżna. Il-partit fil-Gvern ma għarafx li meta tilgħab logħba maħmuġa bbażata fuq il-kilba għall-flus tkun qed tilgħab b’mod perikuluż ħafna. Jekk wieħed iħares lejn id-deċiżżjonijiet kbar meħuda dan l-aħħar tmien snin ta’ tmexxija tal-Partit Laburista jasal għall-konklużżjoni li b’xi mod jew ieħor kien hemm id moħbija li kienet qed tilqa’ flejjes li ma kienux jappartjenu verament lilha. Kienu qed jirriżulta ċaqliq ta’ flejjes anki kbar minn id għall-oħra bi sforz kbir biex jibqa’ kollox mistur. Imma x-xitan ma għandux ħalib.

Kif tfaċċaw bħal sajjetta fil-bnazzi, madwar id-dinja, l-Panama Papers kixfu sorm ħafna nies u hawn Malta kellna theżżiża kbira meta sibna li Ministru tal-Gvern u persuni oħra marbut mal-kabinett ta’ Joseph Muscat kienu parti minn dan is-sigriet mistur tajjeb. Biss dawn ma kienux waħidhom. Hemm oħrajn inkluż nies marbuta mal-partit Nazzjonalista u jidher li anki jekk membri tal-ġudikatura. U hemm, għax ma ħax deċiżżjonijiet li kulħadd stenna, il-Gvern tal-ġurnata xxaqqaq u nfetħu bibien is-sema għax minn dak in-nhar donnu ma jistax jieqaf il-wied ta’ informazzjoni fuq affarijiet illeċiti li seħħew.

Il-Partit fil-Gvern kisser lilu nnifsu. Dak li jiġrilek meta ma taġixxix fil-pront u bla riserva fuq affarijiet serji u ta’ dell ikrah. Dak li jiġrilek meta tħalli sriep valenużi ma saqajk u ma teħlisx minnhom, mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd. Dawk kienu deċiżżjonijet li kellhom effett ikrah fuq il-pajjiż, imma mhux tant fuq il-poplu Malti li tilef id-dawl abjad tal-verita’, anżi għall-kuntrarju baqa’ jara l-ħmura u ma tax każ ta’ pajjiżu. Waqt li għaddej dan kollu, kellna Partit fl-Oppożizzjoni jirreaġixxa b’orġja ta’ sparar fis-saqajn li ma jitwemminx.

Waqt li tfaċċaw il-Panama Papers intilef u tfixkel f’saqajh, għax ħaseb li l-logħba reġgħet daret favur tiegħu u bdew jattakkaw bla ebda sinjal ta’ strateġija. Kull ma kellhom quddiemhom kienet viżjoni waħda, li jittimbraw lill-partit fil-gvern bħala partit mimli nies ħaxxejja u ħsiebhom biss kif jagħmlu l-flus. Dik kienet l-aġenda ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet ġurnalista nvestigattiva li rnexxielha ġġorr magħha l-imħuħ politiċi li suppost kien mogħni bihom il-Partit fl-Oppożizzjoni. Lagħbet bihom fuq subgħajha ż-żgħir. Illupjathom u mitlufin u għatxana għall-poter qabdu n-narrattiva tagħha u għamluha tagħhom. Tant kienu mitlufin f’dawn l-attakki li waslet fuqhom l-elezzjoni u lanqas biss xammew li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed jiġi jitnejjek min-narrattiva tagħhom.

U reġgħu belgħu s-sinnara għalkemm kellhom id-daħqa fuq wiċċhom. U sfortunatament inħxew darbtejn. L-ewwel mis-sinjura u wara mill-poplu Malti u Għawdxi kollu. U ma kienetx biżżejjed, għax wara telfa madornali bħal dik, komplew mingħajr mistħija ta’ xejn fuq in-narrattiva ta’ Daphne u ħarġu qatta’ bla ħabel jattakkaw lill-kap ġdid tagħhom għax hekk iddeċidiet Daphne mingħajr ma tathom raġuni valida biżżejjed għaliex, imma kienu kuntenti li għal darba oħra jħalluha tillupjhom basta jkomplu magħha.

Tliet snin li fihom telfu s-snien tal-partit tagħhom u flok iffokaw fuq dak kollu li setgħu jagħmlu biex jiġbdu n-nies lejhom, hekk kif il-partit fil-Gvern kien qed jegħreq fil-ħmieġ, ingħaqdu mal-ilsna lifużi tas-soċjeta ċivili u ġew altament jitnejku mill-pajjiż.

Is-slogan tagħhom kien wieħed biss – korruzzjoni. Kienu politiċi mitlufin fil-ħdura, imma din id-darba kienet aktar interna milli nazzjonali. Adrian Delia għalihom kien qisu Luċifru. Reġgħu għal darba oħra ġew illupjati u raw biss kif jixorbu demm il-vittma tagħhom sa x’ħin xorbuh kollu. Tant kienu mitlufin fl-għira u fi ħdura li kkonvinċew lil ħafna tesserati u għamlu għażla mnejka għal kollox bir-riżultat li issa, l-Partit Nazzjonalista flok issaħħaħ u ngħaqad, kif tant ħambqu u wegħdu, aktar tkissru u dan meta l-gvern għaddej minn inkwiet serju.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *