Il-kummissarju Ingliż, Joseph Cole, jieħu l-ħtija tad-disfatta tal-FATF

Co-option oħra għall-Gvern. Nagħtu rigal lil deputat, li mid-dehra kellu l-ħsieb li ma jkunx kandidat fl-elezzjoni ġenerali li ġejja, u fl-istess waqt nagħmlu spazju għal xi ħadd ieħor biex ipoġġi fuq il-pultruna l-ħadra tal-Parlament. Fl-istess waqt, Dr Robert Abela jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista. It-Times of Malta għadha kif ħarġet l-aħbar li “Former minister Manuel Mallia to be named UK High Commissioner”. Kull ma jonqos hija l-konferma tal-kumitat tal-kamra tad-deputati. Dan se jieħu post Joseph Cole li bħalissa qiegħed Kummissarju Għoli Malti f’Londra. Kif jidhru l-affarijiet, wieħed ma jistax jeskludi li l-Kummissarju Għoli Malti f’Londra ma jistax iżomm postu minħabba l-istorja tal-FATF. Wieħed irid jiftakar li l-Ingilterra għadha kemm ivvutat kontra pajjiżna. Meta xi ħaġa bħal din tiġri huwa pass naturali li l-għola persuna fil-Kummissjoni Għolja f’Londra jkollu jiġi mibdul minħabba, anki jekk ma jaħtix, għaliex fuq livell diplomatiku jitqies li ma jkunx ġab ir-riżultat mixtieq.

Min-naħa l-oħra, Manuel Mallia ilu li ddikkjara li l-politika għalih ma kienetx xi ħaġa li offrietlu xi sodisfazzjoni enormi u kif diġa għidt l-għajdut li mhux se jerġa jikkandida ruħu, ilu jiġi mal-kuruturi tal-Parlament. Il-post ta’ Kummissarju Għoli fl-Ingilterra sar issa patata taħraq, għax hemm bżonn ta’ ħafna xogħol diplomatiku mal-Gvern Ingliż li fih, min se jkun inkarigat, irid jaħdem ħafna bil-metodu ta’ konvinzjoni. Biss hawn joħroġ fejn jasal dan il-Gvern u l-Partit Laburista.

Dan ma jabbanduna lil ħadd. Kif il-Prim Ministru ra li se jitlaq id-deputat, Manuel Mallia, li jgħid x’jgħid kulħadd, huwa wieħed mill-avukati ta’ esperjenza u b’reputazzjoni kbira f’pajjiżna, ra kif għamel u sab il-post idoneu fejn jista’ jibqa’ jutilizza s-servizz tiegħu għal pajjiż. Li Prim Ministru jipprova jikkonvinċi deputat biex jibqa’ jipparteċipa fil-kamra tal-Parlament meta jkun spiċċalu l-entużjażmu li jkun daħal bih, ma jagħmilx sens.

Allura kien importanti għall-Gvern li jressaq lil din l-istess persuna lejn pultruna oħra ta’ importanza mingħajr ma jidher xi seta kien hemm xi att ta’ umiljazzjoni, anżi għall-kuntrarju, huwa rigal onorabbli. Kemm hemm min jixtieq li jara l-Partit fl-Oppożizzjoni jaħdem fuq dan l-istil, mhux anke sempliċi voluntiera spiċċaw ramew. Biss biex titieħed deċizzjoni bħal din irid ikun hemm qbil tal-parteċipant. Naħseb li dan twettaq għax la se jersaq għall-konsiderazzjoni tal-kumitat tal-kamra, hemm dan l-impenn. Imma kif jgħidu biex wieħed jasal għal dan, irid ikun hemm ftehim. Il-konklavi rilevanti mid-dehra saru fil-plenarja tal-Parlament.

Qed nehmeż ma’ dan l-artiklu ritratt ta’ konverżazzjoni bejn żewġ deputati waqt li kien qed jitkellem Jose’ Herrera. Din il-konversazzjoni kienet bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-persuna rilevanti għal dan l-artiklu, Manuel Mallia. Din id-diskussjoni saret it-Tnejn, 21 ta’ Ġunju u biex nieħdu ftit att umoristiku, dak il-ħin kien qed jiġi diskuss fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar Riforma fil-Professjoni Legali. U waqt li kienet għaddejja din ir-riforma, kienet għaddejja riforma oħra li tikkonċerna lill-avukat Manuel Mallia, li minn deptutat ser isir Kummissarju Għoli f’Londra.

Nawgurawlu kull suċċess fil-karriera ġdida tiegħu.

One comment

Leave a Reply