Chris Said jibdel il-pożizzjoni tiegħu fuq il-mina ta’ Għawdex

Blog post minn osservatur politiku

Chris Said bidel il-pożizzjoni tiegħu fuq il-mina bejn Malta u Għawdex. Jien, kemm-il darba smajtu jgħid fil-passat li biex il-Partit Nazzjonalista jivvota kontra l-mina, jrid jgħaddi minn fuqu. Ma nafx jekk kienx jgħid hekk għax kien jaf li deċiżżjoni politika kbira bħal din kienet għadha l-bogħod mid-deċiżżjoni finali kif ukoll għaliex dak iż-żmien il-pendlu Għawdxi kien qed ixaqleb lejn it-twettiq tal-mina. Fuq kollox dak iż-żmien kien hemm Adrian Delia u huwa kien parti minn dawk li ħadmu kontra tiegħu. B’hekk b’pożizzjoni bħal din ried ried juri li l-partit jagħmel li jgħid hu. Illum l-istorja nqalbet. .

Il-gazzetta Illum staqsewh fuq diversi suġġetti li jolqtu lil Għawdex, Dwar il-mina, Chris Said issa jrid li l-ewwel jsiru l-istudji kollha, imbagħad issir konsultazzjoni miftuħa u fl-aħħar referendum. Kompla li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur kull ħaġa li ttejjeb il-konnettivita’. Jien se jkolli nistaqsi. Nistgħu nkunu nafu kemm se jdumu jsiru studji? Mhux diġa saru u qiegħdin f’idejn il-gvern? Aktar naħseb li hemm bżonn ta’ ħafna spjegazzjoni dwar ta’ kif u x’fatta jsir ix-xogħol biex titnaqqas il-ħafna biża’ li hawn. Huwa wkoll neċessarju li jiġu spjegati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha, din l-imbierka mina.

Said qed jisħaq ukoll fuq il-konsultazzjoni. Għal darba oħra smajna b’ħafna opinjonijiet minn istituzzjonijiet, awtoritajiet u nies oħra diversi. Said semma t-tielet pass, dak li jsir referendum mal-Għawdxin għax l-aktar li se timpatta huwa fuq Għawdex. Naqbel li jsir referendum fil-gżira Għawdxija ħalli kulħadd ikun jaf kif jaħsbuha l-Għawdxin. Biss irridu niftakru wkoll li l-mina se tħalli effett qawwi fuq parti minn Malta, jiġifieri fejn se tisbokka l-mina fuq l-art Maltija. Allura n-nies ta’ hemm ma jidħlux fiha din id-deċiżżjoni, qisha lilhom m’hu se jolqothom xejn?

Hija l-aħħar biċċa tal-istorja li l-aktar interessatni minn dak li qal Chris Said. Meta mistoqsi jekk jagħmilx sens li jsir referendum, Dr Said qal li mhux kulħadd jaqra l-manifesti li joħorġu l-partiti. Ma tantx hu kumment li jispirak. Huwa qal li fl-aħħar elezzjoni l-mina kienet inkluża fil-manifest taż-żewġ partiti prinċipali. Biss imbagħad kompla li min jivvota għal partit u mhux ieħor, ikun ivvutalu għal pakkett kollu li jkun miktub fil-manifest għax ħadd ma jivvota għal proposta waħda.

Minn din id-dikjarazzjoni joħroġ ċar li f’dan il-każ, fuq investiment tant massiċċ u li se jolqot il-fiżjonomija ta’ pajjiż, Chris Said, illum jaħseb li huwa importantissimu li jsir referendum. B’hekk jidher li kien hemm tidbil fil-ħsieb dwar ir-referendum fuq il-bżonn jew le ta’ din il-mina.

One thought on “Chris Said jibdel il-pożizzjoni tiegħu fuq il-mina ta’ Għawdex

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *