Net spiċċa jiċċensura lill-partitarji tiegħu stess

Qed nirċievi messaġġi mingħand partitarji Nazzjonalisti fejn qed jilmentaw miegħi li l-kummenti tagħhom qed jiġu mħassra mil-portals u Facebook pages tan-NET. Jiddispjaċini ngħid, li l-Partit Nazzjonalista qed isir patetiku. Biss din hija ħafna serja. Infakkar li dawn huwa paġni li huma mmexxija minn ġewwa d-Dar Ċentrali, jiġifieri portals jew facebook pages tan-NET. Irċevejt informazzjoni mingħand Nazzjonalisti li meta tellgħu kummenti ta’ kritika kontra Bernard Grech, il-kumment tagħhom ġew mħassar. Jekk dan huwa veru, allura mid-Dar Ċentali qed jgħidulna li Dr Grech jieħu għalih għall-kritika. Imma agħar minn hekk, dan ikun ifisser li Dr Grech mhux lest li jaċċetta l-kritika minn kulħadd. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun jiflaħ għall-kritika anki min-nies tiegħu stess.

Infakkar li l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ kull tesserat u tas-sostenituri tal-partit stess. Infakkar li fost dawk li qed jikkritikaw u qed jiġu ċċensurati hemm persuni li kienu fil-Partit Nazzjonalista fl-agħar żminijiet tiegħu. Dawn qed ikun ċċensurati min-nies li huwa tal-passa. Qegħdin hemm sakemm idum Bernard Grech. Anzi jekk jibqgħu sejrin hekk Bernard Grech se jitniżżel fl-istorja bħala l-kap li dam l-inqas żmien fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista u dan, s’issa, m’għandu ebda klikka tawwar u tikkonfoffa sfaċċatament biex ittajru. Infakkar li kull tesserat, kull sostenitur u kull Malti/Għawdxi, u saħansitra anke barrani, għandu dritt fid-dinja libera tal-lum, li jikkummenta kemm irid u jikteb li jrid, basta jibqa’ fil-limitu tal-liġi.

Infakkar li sa ftit xhur ilu, l-istess nies li llum qed jiċċensuraw Nazzjonalisti oħra kienu jqisu li hu dritt fundamentali tagħhom li jikkritikaw lill-kap tal-Partit Nazzjonalista. Mhux talli kellhom id-dritt jikkritikawh, talli kellhom ukoll id-dritt li saħansitra jiġbru l-firem neċessarji biex intajruh. Tinsiex Dr Grech li lil ta’ qablek, sħabek li tellgħuk, hekk għamlu. Mela li hu tajjeb għal wieħed huwa tajjeb għall-ieħor.

Aħna l-kritiċi m’għandna xejn personali kontra Dr Grech, u l-anqas kontra ta’ madwarek. Biss li jkunu ċċensurati Nazzjonalisti li għerqu l-għaraq ta’ xbinhom biex sostnu lill-Partit Nazzjonalista, li daħħlu idejnhom fil-but biex jiffinanżjah, li taw il-ħin tagħna biex għinuh dejjem jimxi ‘l quddiem, hemm xi ħaġa li ma taħdimx. Illum mingħalikom li lanqas biss jistgħu jikkritikawh u mbagħad qed tippretendu li dawn ikomplu jdaħħlu jdejhom fil-but ħalli jkomplu jitħallsu l-armata ta’ ġenerali li hemm illum fid-Dar Ċentrali.

Dawk li qed jiġu ċċensurati huma Nazzjonalisti ġenwini li ma jaqblux mal-politika dilettanteska li għaddej minnha bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Għalhekk qed jikkritikaw. Dawn se jibqgħu jikkritikaw. Oqgħodu attenti għaliex ir-riskju huwa li aktar ma tiżdid iċ-ċensura, aktar ser tiżdid d-doża tal-kritika tagħhom u ser ikomplu jikxfu għawwar min qed jagħmel ħiltu biex ikompli jkisser il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply