“Jien fl-elezzjoni li jmiss se nerġa’ nivvota lill-Partit Nazzjonalista imma b’differenza”

Blog post min Paul Borg

Bħal ħafna mill-qarrejja tiegħek, f’dawn l-aħħar ġimgħat segwejt b’ċertu attenzjoni l-istorja tal-larinġ ta’ Rosianne Cutajar. Segwejt ir-reazzjoni t’entitajiet bħal Repubblika li sejħu dan kollu skandlu. Segwejt ukoll il-fatt li dan l-episodju qiegħed jiġi ‘nvestigat’ mill-pulizija. Segwejt fuq kollox ir-reazzjoni esaġerata tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar ta’ din l-analiżi kollha, ġejt fid-dubju nidħakx jew nibkix.

Bl-ebda mod ma rrid nagħmel xi qaddisa minn Rosianne Cutajar li inċidentalment tikkontesta d-distrett tiegħi. Nemmen pero’ li hemm affarijiet oħra, diġa’ esposti fil-passat li huma ta’ rilevanza ferm iktar minn din.

Nerġa’ lura għall-larinġ. Ġejt fid-dubju nidħakx għax tliet larinġiet jinxtraw b’inqas minn ewro. Li tallega li qed jinxtraw il-voti b’xi ħaġa ta’ valur tant żgħir fiha ċertu umoriżmu. Nittama li Robert Aqulina, li ħareġ b’din l-akkuża, għandu idea ta’ kemm jiswew eżatt tliet larinġiet. Ma nafx qatt’x sema’ bħali, imma jien niftakar allegazzjonijiet oħra, speċjalment wara l-elezzjoni tal-2008 li nxtraw xi voti b’somom ferm ikbar. Li tagħti larinġa, biċċa roly poly, tuffieħa jew banana huwa ġest sabiħ u sempliċi li jlissen tbissima iżda żgur ma jdawwarx il-fehma tal-votant. Biex idawwar il-fehma tal-votant ġest żgħir ta’ din il-kwalita’, irid altru jkun dak ta’ bniedem imsejken li ma ħa xejn matul ħajtu ħlief daqqiet ta’ ħarta fuq wiċċu.

Ġejt fid-dubju nibkix għax laqtitni realta’ oħra… Bejni u bejn ruħi għidt – jekk veru l-Partit Nazzjonalista jemmen li vot jinxtara b’xi ftit frott jew roly poly b’wiċċ il-ministru fuqhom, kemm għandu stima baxxa tal-proposti li qiegħed jippreżenta lill-poplu fit-tama li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss? Possibbli li x-xogħol tal-famużi clusters, kumitati u l-entitajiet varji li jiffurmaw il-qalba tal-partit jara dil-miżerja t’offerta bħala theddida? Daqshekk ħżiena l-proposti li qed jiġu preżentati? Ħżiena daqstant li tliet larinġiet jew biċċa roly poly joffru argument konvinċenti iktar minnhom?

Spiss nisma’ li l-poplu jinxtara. Fl-istess nifs nisma’ dwar kemm hawn ġid. Ma nemminx li fejn hemm tant ġid, rigal żgħir jista’ jdawwar il-fehma tal-votant. Ilni nimmilita fil-partit ħajti kollha. Attendejt ħafna festini tal-kandidati, ħafna minnhom bla ħlas. Kilt, xrobt u ddivertejt mingħajr ma ħallast ċenteżmu. Spiss xrobt ma xi kandidat jew deputat ġewwa xi każin minn tagħna. Drink wieħed jiswa iktar minn tliet larinġiet friski. Spiss rajt kandidati jġibu rawnd xorb lil kull min kien preżenti fil-każin. B’daqshekk xtraw xi vot dawn jew għamlu biss ġest ta’ korteżija?

Nerġa lura għall-kundanna ta’ Repubblika li rikeb fuqha l-Partit Nazzjonalista. Ejjew nagħtu ftit ħarsa lejn min imexxi Repubblika. Nibdew b’Robert Aquilina, hu d-deputat tal-PN Karol Aquilina. Dan Karol Aquilina ġab 343 vot mill-Għaxar Distrett minn fejn ġie elett. Ġab ukoll madwat 700 vot mis-sitt distrett fejn ma ġiex elett. Għandna lil Manuel Delia li meta kkontesta fl-2013, ġab il-meravilja ta’ 445 vot u ovvjament ma kienx elett. Għandna wkoll lil Norman Vella li ġab 1133 vot komplessivament minn żewġ distretti u ma ġiex elett lanqas. Li rrid ngħid huwa li filwaqt li nemmen li l-politiċi m’għandhomx jiffurmaw parti mis-soċjeta’ ċivili, dawn l-individwi ma jidhirx li jgawdu minn popolarita’ jew kariżma biżżejjed biex jikkonvinċu lill-poplu biex jivvota PN fl-elezzjoni li jmiss.

Il-poplu rema’ lilhom u l-ideat tagħhom. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista għandu joqgħod ferm attent jekk jixtieq li l-proposti tiegħu joffru wens iktar lil votant minn għenqud larinġ. Qed ngħid dan kollu b’qalb muġugħa. Jien għalija l-Partit Nazzjonalista huwa parti minn demmi u minn ruħi. Ma nixtieqx li dan l-izvog jinqara bħala wieħed immirat biex jagħmel xi ħsara iżda biex jiftaħ għajnejn dawk li suppost jafu aħjar.

Ftit tal-jiem oħra jitħabbar l-ewwel Kunsill Ġenerali tal-era Bernard Grech. Għal raġunijiet li ddiskutejt mal-istess Grech, ma nirrikonoxxiehx bħala l-kap leġittimu tal-partit tiegħi, iżda bejnietna jeżisti rispett reċiproku uman. Nemmen li bħali jixtieq l-aħjar ġid għall-istess partit. Tidher pjuttost ovvja li ġejja telfa kbira u warajha żmien ta’ riflessjoni u ta’ tibdil. J’alla t-tibdil ikun wieħed siewi u li jerġa’ jwassal lill-partit tagħna li jissaffa mill-għanqbut u l-influwenzi ħżiena li ħakmuh. Jien fl-elezzjoni li jmiss se nerġa’ nivvota lill-Partit Nazzjonalista imma b’diffrenza. De nivvota lil dawk li nemmen li ħaqqhom il-fiduċja tiegħi. Peress li minix faċċjol dawk li ma ħaqqhomx se jibqgħu b’kaxxa vojta maġenb isimhom. Hekk biss nistgħu nieħdu r-ruħ.

3 thoughts on ““Jien fl-elezzjoni li jmiss se nerġa’ nivvota lill-Partit Nazzjonalista imma b’differenza”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *