Il-lejla ser jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista: ser jiddiskuti l-FATF?

Il-lejla Bernard Grech reġa’ għajjat il-grupp parlamentari. Għandi kurżita kbira nara l-aġenda għax dik waħedha tkun indikazzjoni ta’ kif qed jaħseb il-Partit Nazzjonalista bħalissa. L-aġenda waħedha tagħtina ndikazzjoni ċara jekk humiex se jiddiskutu l-problema kbira li għandu pajjiżna bħalissa, li ngħaddu mill-eżami tal-FATF. Jiena bħala ċittadin ta’ Malta u bħala bniedem li nħobb lil pajjiżi, x’nistenna minn din il-laqgħa tal-lejla?

Jiena nittama u nispera li l-lejla, għalkemm tard wisq fl-opinjoni tiegħi, li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-pajjiż u x’jiġri jekk għada jkollna tweġiba ħażina ħafna. Jiena nispera li għal darba, dan il-grupp iġib l-ewwel u qabel kollok il-ġid tal-pajjiż u mhux il-ġid tal-Partit. Tgħid se naraw xi sforz biex ‘at the eleventh hour’ jagħmlu xi ħaġa u juru li qed jagħmlu sforz, biex forsi jitwemmnu li veru għandhom għal qalbhom pajjiżna? L-aħħar li tmut it-tama u jien hekk qed nagħmel. Għadni nittama li dawn il-membri tal-kamra tar-rappreżentanti, li tpoġġew hemm bis-saħħa tal-elettorat Malti f’tellieqa għall-poter ta’ pajjiżna, jikkonċentraw fuq pajjiżna u jistudjaw is-sitwazzjoni, għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Kap Nazzjonalista għaffeġ waħda sew għax bagħat messaġġ kontraversjali ħafna. Flimkien u ffokati, tridu taraw kif se tnaqqsu d-dannu ta’ dak il-messaġġ u tridu bil-fors issibu soluzzjoni għal dan il-gaffe straordinarju. Tant tridu tkun ffukati, biex taħdmu għal pajjiżna, li jekk ikun hemm bżonn tużaw is-siegħat ta’ tard il-lejla u ta’ kmieni għada filgħodu, biex tgħamlu kuntatti li jista’ jkollkom, biex tgħinu lill-Gvern fl-aħħar mumenti, biex jinġieb lejn Malta l-aħjar riżultat possibbli.

Il-grupp parlamentari ma jiltaqax biss tard filgħaxija sas-siegħat bikrin tal-għada, biex jiddiskuti rewwixti u talbiet ta’ sfiduċja, imma għandu jiltaqa’ primarjament għall-bżonnijiet nazzjonali, għax għal dan intom ġejtu eletti fil-Parlament Malti.

istennew, naraw, nisimgħu, naħsbu u nikkonkludu. Wara niġġudikaw. Ftakru li l-poplu f’għemilkom jiftakar fis-siegħa tal-ġudizzju.

One comment

Leave a Reply