Il-Labour qed jixxuttja barra l-lasta u l-PN qed jagħmel l-autogoals.

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ħadd smajt kemm lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellmu u ħassejt li t-tnejn li huma qed jagħtu importanza għall-blog tiegħek Dr Mercieca. Inti tellajt artiklu tajjeb ħafna fuq l-FATF u dan spiċċa kien is-suġġett prinċipali tal-intervent tat-tnejn li huma. L-importanti taf x’inhu Dr Mercieca, li l-bloġ tiegħek huwa kontinwament ‘on the ball’ għax qed tgħaddi l-opinjoni tiegħek ftit wara li toħroġ l-aħbar. Imma kif tkellmu dawn iż-żewġ t’irġiel ta’ statura importanti f’pajjiżna?

Id-diskussjoni daret mat-tattika ta’ Dr Bernard Grech, meta għamel mossa żbaljata li ma kienx fiha sugu. Dr Grech, kif jaf kulħadd, qabad u bagħat ittra lill-FATF li fiha żgarra mhux ħażin. Min kitibha jew kitibilu ma jinteressani assulutament xejn. Hu ffirma mela hu jrid jerfa’ r-responsabilita’ tagħha. Ma kienetx l-aktar ittra li wieħed, f’dik il-pożizzjoni, seta’ kiteb għal ġid ta’ pajjiżu. Mela x’ġara fil-kummenti tal-Prim Ministru waqt l-intervent tiegħu? Meta tqajjem dan is-suġġett Dr Abela għamel festa, għax spjega kemm tista’ tagħmel deni din l-imbierka ittra. Dr Abela spjega li l-kontenut tal-ittra ma jgħid xejn li jista’ jikkonvinċi jew b’xi mod jgħin biex Malta tgħaddi min dan l-eżami tant importanti. Ma tressaq ebda argument sod u validu li min qed jiddubita minn pajjiżna jista’ jikkonvinċi ruħu li l-pajjiż ma jixraqlux jeħel minn dan l-eżami. Dr Abela bbottja li Dr Grech tkellem fl-arja, għax dak kollu li wiegħed rabtu ma’ meta jkun fil-gvern, li hija data jpotetika. Fil-fatt Dr Abela rrimarka li kważi kważi Dr Grech uża din l-ittra biex jipprova jerbaħ ponti politiċi, u fakkar li dan ikun qed isir fuq sitwazzjoni ta’ dannu kbir lill-pajjiżna.

Dr Grech tant qala kritika fuq din l-ittra, minn ġewwa u minn barra, li spiċċa waqt l-intervent tiegħu jiddefendi l-ittra li bagħat. Meta jiġrilek hekk tkun qed tammetti, mingħajr ma tiddikjara, li int tkun għaffiġta waħda sew. Mela rridu niftakru li Dr Grech qed imexxi oppożizzjoni li suppost qiegħda għassa kontinwament biex tara li l-Gvern ma jikkommettix żbalji li minħabba fihom ibati pajjiżna. Dr Grech int suppost qed tgħarbel kull ma jwettaq il-Gvern u tikkritikah jew tiġbidlu l-attenzjoni. Ma tistax tagħmel xi ħaġa int u tispiċċa tiddefendi dak li tkun għamilt int stess, mingħajr ebda possibilita’ li tattakka lill-avversarju politiku tiegħek li qiegħed fil-gvern u qed jagħmel ħafna żballji. Qed tara kemm hu importanti Dr Grech, li dik il-pożizzjoni li hija ddettata mill-kostitiuzzjoni, titlob maturita’ politika u preparazzjoni ntensa. B’dak li għidt il-bieraħ waqt l-intervent tiegħek urejt li dawn iż-żewġ valuri politiċi inti, b’dispjaċir ngħidlek, ma tħaddanhomx.

Ħa nispiċċa fuq tema li ħafna qed jitkellmu fuqha madwar l-Ewropa kollha – il-football. Mela l-bieraħ kellna diskors miż-żewġ coaches taż-żewġ timijiet politiċi f’Malta. Kellna l-ħomor, li bħalissa qed jinżlu għal kull logħba bħala l-favoriti, iżda tattikament donnhom ma kienux preparati sewwa, għax qisu l-coach qalilhom biex ma jixxuttawx lejn il-lasta u obdewh, għax kull darba li pruvaw qatt ma sabu l-lasta, għalkemm kienu fuq l-attakk il-ħin kollu. Imbagħad kellna il-bluni li kienu l-underdogs, li l-coach qalilhom ara jien saħansitra bagħtilkom ittra d-dar biex nispjegalkom l-istrateġija tal-logħba, biex nurikhom kif għanda nattakkaw lill-avversarji tagħna. Biss imbagħad waqt il-logħba ma setgħux jaqbdu art u għamlu l-ħin kollu tal-intervent kalċistiku tagħhom jiddefendu u ndunaw li l-istrateġija tal-coach tagħhom falliet għal kollox. Saħansitra tant kienet ħażina, li t-team tal-bluni spiċċaw għamlu autogoal li swilhom il-logħba. Il-coaches tal-football rinomati u ta’ esperjenza jgħidu li l-logħob tal-football jintrebaħ fuq il-blackboard għax il-coach ikun prepara tajjeb minħabba l-esperjenza fil-logħba. Għalhekk kull team irid ikollu coach moni b’inteliġenża fuq it-tattiċi u fuq kollox juża il-blackboard b’enfażi kbira fuq l-informazzjoni ċara u maħsuba biex twassal għall-ġid u għall-riżultati mixtieqa.

Leave a Reply

Your email address will not be published.