Peppi Azzopardi jagħti ħasla lil Bernard Grech

Blog post minn osservatur politiku

Fil-ġurnata tal-Ħadd, Peppi Azzopardi kiteb li Bernard Grech irnexxielu jħallih bla kliem għax kiteb li kif qara l-ittra li Dr Grech kiteb lil FATF, ‘telgħetli għoqla fi griżmejja’. Issa biex tħalli lil Peppi Azzopardi bla kliem ‘ci vuole’. Dan qed ngħidu għax dak li ktibt int, Dr Mercieca, fl-artiklu tiegħek, kiteb fuq l-istess ħsieb Peppi Azzopardi. Kemm int Dottore, kif ukoll Peppi, staqsejtu mistoqsija li tagħmel ħafna sens. Hemm kelma waħda tgħaqqadkom: META? Li huwa żgur huwa li bil-mod kif kiteb l-ittra tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni, l-għasfur ikun ilu li tar u dak li qed jgħid ikun kollu għalxejn meta xi darba – jekk qatt tista’ sseħħ – isir Prim Ministru.

Kemm toħroġ ta’ ċuċ meta tikteb xi ħaġa li tirredikola lilek innifsek. Kemm ikun aħjar li ma tikteb xejn. Imma sfortunatament, il-Partit Nazzjonalista u speċjalment il-kap tiegħu, kontinwament jisparaw għal saqajhom. Ma hemmx idea ta’ strateġija politika u lanqas moħħ politiku fid-Dar Ċentrali bħalissa. Min tah dan is-suġġeriment għamel żball. Għamel żball ikbar Bernard Grech li aċċettah. Din l-istorja tkompli tikkonfermana kemm Bernard Grech ma hux bniedem preparat u idoneu għal din il-pożizzjoni ta’ kap tal-Oppożizzjoni.

Infakkar li Peppi Azzopardi, kull meta smajtu jitkellem jew jikteb fuq il-Partit Nazzjonalista, mhux wieħed minn dawk li qed jikkritika ħafna bħalissa, anżi wasal biex faħħar lil Ms Grech talli qed tagħmel it-telefonati lit-tesserati f’għeluq sninhom. Jiġifieri Dr Grech biex Peppi wasal biex qallek dan il-kliem veru affiġġta waħda u tajba. Dan biex ma nagħmlux referenza għal dak li qalu rappreżentanti tal-gvern li waslu biex qalulek li għadek ma fhimt xejn. Nispera, nittama u nitlob li int, Dr Grech, ma tridx tara lil pajjiżna fil-lista l-griża. Nittama li qed taħseb u tistenna li pajjiżna jgħaddi minn dan l-eżami. Nispera li mhux qed taħseb li aħjar neħlu mill-eżami ħalli int u l-Partit tiegħek jagħmel akkwist politiku minn din it-traġedja ekonomika f’pajjiżna.

Peppi tahielek bl-imgħarfa li jekk tiġi l-lista l-griża għal pajjiżna, din se ssir f’dan ix-xahar, jiġifieri f’Ġunju. Dr Grech, Simon Mercieca ħeġġek biex tagħmel lobbying serju mal-pajjiżi li qed jaħsbu li jagħtuna dan iċ-ċertifikat ikrah. Peppi qed jgħidlek biex addirettura taqbad ajruplan u tmur il-Ġermanja u l-Amerika biex titkellem wiċċ imb’wiċċ ma min qed jikkonsidra li jsallabna. Dawn it-tnejn min-nies qed jgħidulek, stand up for your country to be counted, mhux tpaċpaċ fil-vojt.

Fuq affarijiet ta’ importanza kbira għal pajjiżna ma’ tistax tibqa’ gallarija, ma tistax tibqa’ ċass, ma tistax tikteb ittra biex taparsi għamilt xi ħaġa, ma tistax taħsel idejk bħal Pilatu u tgħid li la int m’intix fil-Gvern allura jaħdmu huma. Int għandek obbligu kbir lejn pajjiżek u lejn il-poplu kollu. F’dan il-mument ma hemmx aħmar u blu, f’dan il-mument ma hemmx Laburisti u Nazzjonalisti, f’dan il-mument ma hemmx gvern u oppożizzjoni. Dan il-mument jitlob li tkun Malti u Malti biss. Dan il-mument jitlob impenn lejn pajjiżek. Dan il-mument li l-ħaddiema tagħna qed jgħajtulek biex tagħmel dmirek f’isimhom. Dan il-mument qed isejjaħlek biex tagħmel ħiltek kollha għal Malta u Għawdex tagħna. Dan huwa l-mument tal-prova għall-gvern u għalik. Dan huwa l-mument li int u l-kelliem tal-finanzi tiegħek, Mario de Marco, tmorru spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru u mal-Ministru tal-Finanzi, u taħdmu kemm tifilħu, mingħajr ebda kondizzjoni jew l-iċken dubju, għall-ġid ta’ pajjiżek. Dawn huma azzjonijiet urġenti. Il-poplu Malti iffokat fuqek.

Il-poplu Malti ma kienx impressjonat bl-ittra tiegħek. Il-poplu Malti s’issa għadu jistenna x’se tagħmel. Il-poplu Malti u Għawdxi qed jgħidlek b’mod ċar u inekwivoku, li qiegħed attent għall-azzjonitek, u qed iwiegħdek li meta tiġi l-ġurnata tal-ġudizzju jiftakar f’għemilek, fis-siegħa tal-prova, li huwa llum u għada u mhux META tkun fil-gvern.

Leave a Reply

Your email address will not be published.