Ngħid prosit lil Metsola wara li storja dwarha ġie “leaked” lill-ġurnalisti mill-klikka ta’ kontra Adrian Delia
Blogpost minn osservatur politiku
Bħal ma tafu minn isegwini f’dan il-blog, jien wieħed minn dawk in-Nazzjonalisti kritiċi ta’ Roberta Metsola. Biss illum irid ngħidilha prosit. Ma niddejjaqx nagħti lill-kredtu fejn hemm bżonn. Għaliex qed ngħid dan? Il-bieraħ, Jacob Borg, ġurnalista mas-Sunday Times of Malta, qalilna li Bernard Grech avviċina lil Roberta Metsola biex tieħu pożizzjoni ta’ viċi-kap minflok David Agius. Fi kliem ieħor, Grech ipprova jimita lil Lawrence Gonzi meta kien avviċina lil Simon Busuttil qabel l-elezzjoni tal-2013 u talbu biex jieħu pożizzjoni ta’ segretarju ġenerali. Skond il-ġurnalist din kienet mossa biex jibdew jinbidlu diversi postijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Artiklu ieħor deher fil-Malta Today. F’dan l-artiklu ntqal li Bernard Grech avviċina wkoll lil Joe Giglio biex anke hu jieħu l-post viċi-kap. Jekk Metsola kienet ser tieħu post David Agius, Giglio kien ser jieħu post Robert Arrigo. Mela Dr Bernard Grech jaħseb li dawn it-tnejn minn nies huma bla prinċipji bħalu? Missu jaf Bernard Grech li Roberta Metsola kienet irrifjutat li toħroġ għall-kap meta kienet ġiet avviċinata mir-ribelli biex taffronta lil Adrian Delia. Metsola kienet għamlitha ċara dak in-nhar li hija toħroġ biss għall-kap jekk Adrian Delia jirreżenja minn rajh. Delia ma rreżenjax minn rajh u Metsola, ta’ mara, ma ħariġtx għall-kap.
Ma hemmx dubju, li b’din il-mossa, Bernard Grech qed jipprova issa jgħatti l-iżball enormi li għamel meta kkontesta l-kap sedenti, jiġifieri lil Adrian Delia. U issa jrid lil ħaddieħor jagħmel bħalu. Qed jagħmel hekk biex mingħalik jaħbi l-iżbal kbir li għamel meta ħalla lilu nnifsu jintlagħab f’idejn il-klikka. Int mingħalik li qed tagħmel xi ħaġa biex taparsi turi li int ma tiddependix fuq il-klikka, anżi biex mingħalik turi li int ma jindaħallek ħadd. Xi żball għandek. Dawk għadhom u jibqgħu jindaħħlulek bħalma tindaħallek is-soċjeta ċivili u l-kelliema tagħhom. Qed tagħmel hekk biex mingħalik tipprova taħbi t-tgergir kbir li hemm kontrik, li ma għandekx is-sostenn tad-deputati stess li poġġewk u li hemm diskussjonijiet diġa’ fuq min se joħodlok postok.
L-istorja li tella’ Jacob Borg fis-Sunday Times hija ferm interessanti, mhux għall-kontenut fih innifsu, għax dak ma jissorprendini xejn għax bħalma ssemma kemm-il darba f’dan il-blog, il-klikka ilha bil-ħsieb, li wara li jtajru lil Kap Adrian Delia, jduru għall-viċi kapijiet. Il-klikka ta’ ribelli, kif ilu jintqal ħafna fuq dan il-blog, ħsiebhom biss fil-futur u mhux fil-preżent. Dan iridu li kollox ikun f’postu għal wara t-tkaxkira li kulħadd qed jistenna fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Il-klikka qed jibżgħu li ma jmurx jerga’ jitfaċċalhom u jidħlilhom xi ħadd bħalma għamel Adrian Delia. Anke minn dan ir-raġunament u arranġament, wieħed jinduna kemm il-klikka qed tibża’ li terġa’ titlef is-saħħa u t-tmexxija, allavolja minn wara l-kwinti, tal-Partit Nazzjonalista.
Din hija storja nteressanti, għax kulħadd jaf ma’ min jiekol il-kirxa Jacob Borg. Huwa ċar daqs il-kristal li din l-istorja ma ħarġitx minn Bernard Grech jew min-nies ta’ madwaru. Ma kienux huma li kixfu x’intqal privatament bejn Dr Grech u Dr Roberta Metsola. Allura jkollok tistaqsi, min kellu l-interess jikxef storja bħal din? It-tweġiba toħroġ waħedha. Ħadd għajr min irid li jwaqqa’ lil Bernard Grech għaż-żufjett. Ħadd ħlief min irid iwissieh li ċ-ċens tiegħu dalwaqt jiskadi. Fl-istorja li ġiet mitmugħa minn Jacob Borg hemm fiha ħsieb ferm interessanti. Jingħad li Metsola qalet lil Bernard Grech li mhux iż-żmien li jinbidlu l-uċuh. Araw x’qalilna Jacob Borg li qalet Roberta Metsola,
“Sources said Metsola internally expressed the opinion that the PN should focus on the forthcoming election and was concerned that a face-changing exercise now could lead to more protracted internal divisions that risks further alienating voters”.
Din hija twissija ċara bil-pulit lil Bernard Grech. Daqt ġejja tiegħek Bernard! Ħaġa waħda hija ċara, li Bernard Grech qed jirrepeti l-iżbalji ta’ Adrian Delia. Qed jipprova jintgħoġob mal-klikka minflok ma jiqfilhom u dawn ġa bdew jillikkjaw lis-stejjer tagħhom lill-ġurnalisti ta’ The Times u l-Malta Today kif kienu jagħmlu fi żmien Adrian Delia!