Politiku mweġġa’ b’imġieba ewforika tan-nies
Blog post minn osservatur politiku
“Kliemhom mimli qerq u vili. Jgħidu fuqek stejjer li mhumiex veru. Iqisuk u jpenġuk bħala bniedem impestat. Assassinju tal-karattru. L-ebda rispett lejna l-politiċi. Tkun għaddej minn triq għall-affari tiegħek, u tgħaddi karozza b’ħamsa minn nies ġo fiha, fejn jinsulentawk u jippruvaw jumiljawk. Imma, dan normali? Tassew, forsi għax il-poter tela’ daqstant f ’ras il-partitarji? Minn fejn hi ġejja din l-ewforija kollha?”
Dan huwa kliem iebes imma veritier. Dan huwa kliem miktub f’waħda mill-gazzetti tal-Ħadd li jixxokjak. Dan huwa kliem miktub minn politiku sedenti fil-Parlament bħalissa. Dan huwa kliem ta’ uġigħ ħiereġ mill-qalb ta’ politiku li qed jagħmel ħiltu biex ikun viċin in-nies, man-nies u għan-nies. Dan huwa politiku li ma jħarisx lejn uċuh imma jipprova, fil-limitazzjonijiet tiegħu jgħin lil kulħadd kif jista. M’inhiex se ngħid min hu l-politiku allavolja huwa miktub f’ismu fuq gazzetta tal-Ħadd.
Imma ċert li mhux se jieħu għalih l-artikolista. Biss se ninqeda’ bi kliemu biex inwassal il-messaġġ li l-politiku huwa persuna. Il-persuna tista’ taġixxi mod u tista’ taġixxi mod ieħor u forsi anke ħażin ukoll fid-doveri tiegħu jew tagħha. Biss xorta ma nifhimx għaliex għandu jkun hemm dan it-tip ta’ diskors, kitba jew azzjoni fil-konfront tal-politiku. Ma nistgħux nitfgħu kull persuna fl-istess keffa, imma anke jekk forsi f’għajnejn xi persuna jew oħra, politiku jkun żbalja ma hemmx għalfejn inkunu diżgustanti fi kliemna u f’azzjonietna.
Bħal persuna dejjem kont fil-politika u dejjem kont viċin il-politiċi. Issib minn kollox. Issib min qalbu tħenn u oħrajn li jieħdu deċiżżjonijiet li jolqtu lin-nies ħażin, daqs li kieku qed jixorbu tazza ilma. Id-dinja mimlija b’karattri differenti u Malta m’hiex eċċezzjoni, imma hemm bżonn li nkunu ġeneriċi fil-kritika tagħna, hemm bżonn li nikkritikaw iżjed il-messaġġ milli l-messaġġier. Meta politiku jieħu l-iżbriga li jikteb b’dan il-mod, ikun ifisser ħaġa waħda. Dan il-politiku miġugħ u mweġġa’ bl-atteġġjament ta’ nies fit-triq li xi kultant jagħmlu dan l-affarijiet biex jilagħbuha tal-cowboys jew biex mingħalihom jidhru sbieħ.
L-istess ħaġa tista’ tintqal għal xi kummenti li jinkitbu taħt artikli differenti fejn l-artikolista jikkritika xi mossa politika, kliem jew azzjonijiet tal-politiċi. Imma ma naħsebx li hemm għalfejn tinżel fil-personali biex tgħaddi l-kumment tiegħek. Ma naħsibx li biex tagħmel il-punt tiegħek anke jekk ma jkun jaqbel xejn ma dak miktub, hemm għalfejn ikun insolenti jew personali. Il-kurżita kbira tiegħi hija, x’jieħu bniedem li jgħajjar jew iweġġa’ persuna oħra. Hemm bżonn li niftakkru li l-politiċi għalkemm jidhru jitkellmu b’ċertu attitudni u xi kultant b’ton qawwi u forsi aggressiv fil-parlament, ma jkunux qed jiġġieldu. Fil-fatt malajr tinduna li wara s-seduta mhux l-ewwel darba li tarhom flimkien u jkompli l-argument diskuss fil-Parlament bl-aktar mod edukat.
Niftakru li xi kultant ftit spettaklu fil-Parlament jaħsbu li jagħmlilhom il-ġid, allura jaqgħu għat-tentazzjoni. Il-politiku npoġġuh hemm biex jaqdi dmiru f’isem l-elettorat li jkun eleġġih. Ejjew inħalluhom jaħdmu kif l-aħjar li jafu. Dawn aħna npoġġuhom hemm u aħna nneħħuhom. Mela kollha kemm huma suppost jaqdu dmirhom. Jekk ma jikkuntentaniex bix-xogħol tiegħu jew addirettura jdejjaqna, tasal dik il-ġurnata mportanti fejn nagħmlu dmirna u nitfgħu l-vot tagħna u ħadd ma hu sidna li nħallu l-kaxxa ta’ dak il-politiku partikulari vojta. Fi dmirna nivvutaw, imma f’idejna lil min.
