Kif Repubblika kissret lill-Partit Nazzjonalista

Ittra minn Nazzjonalist Anzjan

Dr Mercieca se nistaqsik tippermettili ftit spazju minn dawn il-paġni tiegħek biex ngħid kemm jien iddispjaċut li minħabba ċ-ċuċati li joħorġu bihom dawn tal-Għaqda Repubblika qed jaqlagħha u jbati l-Partit tiegħi. Jien Nazzjonalist mill-Belt u kif konna ngħidu darba fil-Partit Nazzjonalista, jien wieħed minn dawk tal-vecchia guardia. Jien niftakar żmien li meta kont timmilita fil-Partit Nazzjonalista, hawn qed nirreferi għal żmien il-mibki Ġorġ Borg Olivier, fil-Belt, kienu jgħajruna wirdien.

Illum ikolli ngħid li ninsab imweġġa’ ħafna. Veru li l-Malti jgħid li ma min rajtek xebbaħtek imma mhux sewwa li għal dak kollu li jgħidu dawn tas-soċjeta ċivili qed jeħel magħhom il-Partit Nazzjonalista. Fl-ilsien Franċiż hemm kelma biex tiddefinix il-President tal-Għaqda Repubblika – parvenu, jiġifieri xi ħadd li jippretendi li hu xi ħaġa meta ma hux. Dan il-president mar għand il-kummissarju tal-pulizija biex jgħidlu jinvestiga politku tal-gvern għax mar jagħti tliet larinġiet lill-anzjani u waħħal ritratt. Allura b’daqshekk! Jekk din kissret il-liġi allura l-kandidati kollha li qed jagħtu xi rigal qegħdin jiksru l-liġi. Kif għidt int, lil Jason Azzopardi dan ma rrappurtahx.

Infakkar li kull min ġie għandi, hu min hu u l-partit hu x’inhu, dejjem qalli qabel telaq biex jekk ikolli bżonn xi ħaġa naf fejn insibu. Mela dawn, għidlu lil dan Aquilina, kollha kissru l-liġi u jista’ jinvestiga lil kulħadd. Imma jien nweġġa’ meta naqra kummenti fuq il-paġna tiegħek, jgħajru lill-Partit Nazzjonalista minħabba dan Aquilina għax mar għand il-pulizija. Sorry ta, imma jien, għax Nazzjonalist, x’għandi x’naqsam ma’ dan ir-raġel? Qaluli li bilfors jeħel il-Partit Nazzjonalista, għax dak għandu ħuh li qiegħed fil-Parlament man-Nazzjonalisti. Imma jien x’jimpurtani minnu dan. Kważi kważi lanqas minn ħuh ma jimpurtani. Kemm qiegħdin tajjeb ukoll.

Mela bħalissa sfortunatament il-Partit tiegħi diġa qiegħed ħażin u kelli ftit tama fil-kap il-ġdid biex forsi nieħdu r-ruħ, imma lanqas hu sewwa li minħabba dawn li jirrapreżentaw lil dawn l-għaqdiet, jeħel il-Partit tiegħi. Dalgħodu ħabib tiegħi qalli mhux bilfors jeħel il-Partit u jien staqsejtu, imma għaliex għandu jeħel il-Partit? Mela dawn l-għaqdiet waqqafhom il-Partit? Qalli le jaħasra l-Partit ma waqqaf xejn. Imma dawn in-nies li huma f’dawn l-għaqdiet huma kollha Nazzjonalisti. Qalli kienu kollha fil-Partit Nazzjonalista sa ftit snin ilu. Issa telqu u fetħu għar-rashom. Imma minħabba li kienu mal-Partit Nazzjonalista allura l-Partit Nazzjonalista qisu waqqaf fergħa tiegħu stess u kull meta jitkellmu dawn l-għaqdiet qisu qed jitkellem il-Partit.

Dak il-ħin f’moħħi għidt imma allura l-Kap tagħna ma jistax jibagħthom jieħdu kafe’ u jitbiegħed minnhom lil dawn in-nies, la qed jagħmlu l-ħsara lill-Partit tagħna. Jiena kieku żgur hekk nagħmel. Jiena nirraġuna li min qed jagħmilli l-ħsara ma rridux miegħi. Imma Dr Mercieca mhux x’nixtieq jien jgħodd għax forsi hemm affarijiet oħra li jien ma nkunx nafhom. Imma jien ngħid iġri tiġi l-elezzjoni ħalli nivvutaw għax qed ninkwieta ħafna meta nara affarijiet bħal dawn li donnhom qed jitfaċċaw sikwiet. Allura meta nara hekk ngħid li kull darba li dan Aquilina joħroġ b’xi waħda hu ma qiegħed ibati xejn, u qed ibati l-Partit Nazzjonalista, la ma hemmx min iwaqqfu.

Viva l-Partit Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier għax jien dak kien jogħoġobni ħafna u kont inħobbu immens.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *