Jekk tridu l-Partit Nazzjonalista jisparixxi araw li jingħaqad ma’ Repubblika

Christian Peregin kiteb post fuq il-Facebook page tiegħu, biex jgħid, li kieku l-Partit Nazzjonalista u l-Għaqda Repubblika jingħaqdu, Malta forsi jibda jkollha Oppożizzjoni kompluta. Huwa jkomplu jgħid li Repubblika għandhom ħafna iżjed politika analitika u kapaċi tagħmel wkoll suġġerimenti dettaljati. Peregin iżid li Repubblika m’humiex partit politiku u ma jagħtux attenzjoni biżżejjed lejn l-istrateġija kif iħarsu lejn l-istampa politika l-kbira. Fil-fatt hu nsista li minħabba n-nuqqas ta’ strateġija fil-Partit Nazzjonalista, kull darba ddur kontra tagħhom stess. Għal darba oħra ma tantx hu komplimentuż mal-Partit ta’ Bernard Grech. Skont Peregin, dan il-partit qed jirriżulta f’oppożizzjoni dgħajfa u bi gvern aktar b’saħħtu, xi ħaġa li la l-Partit Nazzjonalista u lanqas ir-Repubblika ma jixtiequ, anzi jixtiequ jevitawha. Peregin ikompli jgħid li l-Oppożizzjoni hija dgħajfa b’mod perikuluż. Fi kliem ieħor, Peregin mhux qed idurlek mal-lewża Dr Bernard Grech. Qed jammeti li qed ikompli jikber id-distakk u Malta se tispiċċa bi Gvern li ma jkollux għassa fuqu, li hija xi ħaġa li ma hiex tajba għal ħadd, u skond Peregin lanqas għall-gvern stess. Dan il-ġurnalist ikompli jgħid li la issa il-Kap ma hux figura kontraversjali (hawn ma naqbilx, għax Peregin nesa jsemmi li l-kontraversjalita’ nħolqot minn grupp tar-ribelli li qegħdin ma’ Repubblika) il-Partit Nazzjonalista għandu jsib mod kif jingħaqad b’viżjoni waħda. Jekk ma jiġrix hekk, jgħid Peregin, il-fazzjonijiet se jibqgħu jaħdmu kontra xulxin.

Dak li Peregin qed jinsa hu li dawk li nġabru flimkien u ffurmaw dawn l-għaqdiet kienu ilhom snin twal jimmilitaw b’forza qawwija fil-Partit Nazzjonalista. Ħadd ma keċċihom, imma deherilhom li ma setgħux jibqgħu jaħdmu fi ħdan il-Partit u ffurmaw dawn l-għaqdiet. Dawn kienu nies li kellhom vuċi ta’ kuljum fuq ix-xandir tal-Partit, imma meta ndunaw li se tinqatgħalhom iż-żejża u se jispiċċaw wara l-kwinti minflok quddiemhom, dabbru rashom. Irridu niftakru li dawn kellhom is-sostenn tal-Partit Nazzjonalista mill-bidu. Nies imħallsa mill-Partit kienu jarmawlhom is-sound systems, il-palk, iżommulhom kull ma kellhom f’kamra fit-tieni sular tad-Dar Ċentrali. Dawn għax twieldu fuq il-vanġelu ta’ Daphne Caruana Galizia u kważi jdolizzawha, kellhom bilfors jinqatgħu mill-Partit Nazzjonalista wara telfiet kbar in parti minħabba l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia nnifisha. Infakkar li l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ħalliet lil Daphne Caruana Galizia tiddettalhom l-aġenda, li wasslithom għal ġol-ħajt. Flok ma qalu li kien kollu t-tort tagħhom, marru jarmaw għal rashom u kissru lill-Partit Nazzjonalista.

Meta mbagħad beda ġej is-sostenn finanżjarju ma kellhomx għalfejn iżjed l-għajnuna tal-Partit Nazzjonalista, allavolja kien hemm dan l-aħħar Michael Fenech Adami jgħodd is-siġġijiet. Meta fl-2017 inbidel il-kap li qal li l-aġenda tal-partit jagħmilha l-partit, daru kontra tiegħu qatta bla ħabel. Dawn l-għaqdiet meta kienu jorganizzaw il-protesti u l-kommemorazzjonijiet tagħhom kienu jmorru d-Dar Ċentrali jeqirdu biex l-amministrazzjoni, dak in-nhar, tħeġġeġ lin-Nazzjonalisti, jattendu. Kieku ma sabux sostenn mill-Partit Nazzjonalista, kull attivita’ tagħhom kienet tkun vroma mill-kbar.

Sur Peregin, kif tista’ tasal biex tgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista ma’ dawn l-għaqdiet, meta ħafna Nazzjonalisti jafu u jemmnu li n-nies, (suppost Nazzjonalisti) li jmexxu dawn l-għaqdiet, kissru lill-Partit Nazzjonalista? Ħafna Nazzjonalisti jafu, bħalma qalu n-nies li bagħtu l-fehmiet tagħhom meta sar ir-rapport tat-telfa tal-2013, li s-sinjura Caruana Galizia, waħedha, tellfet eluf kbar ta’ voti lill-Partit Nazzjonalista? Ħa ngħidlek Sur Peregin x’qed jiġri bħalissa. Ir-Repubblika u l-Għaqdiet sħabha, li jħalltu u jaqsmu bejniethom, qiegħdin jaħdmu bħala soċjeta ċivili minn quddiem il-kwinti u allura jidhru bħala soċjeta ċivili. Biss imbagħad qiegħdin jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista, b’rappreżentanti fid-Dar Ċentrali, minn wara l-kwinti. Imma xorta għandhom influwenza kbira fuq l-amministrazzjoni preżenti. Anzi llum wara li spiċċa Bernard Grech kap, dawn saru aktar b’saħħithom u qed imexxulu l-agenda huma bla ma jidhru. U r-riżultat x’inhu? Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jogħdos aktar l-isfel mal-elettorat. Trid iżżomm f’moħħok li matul it-tliet snin ta’ Adrian Delia, il-klikka tar-ribelli u l-għaqdiet li qed insemmu, kienu jaħdmu id f’id, qishom ħaġa waħda. Dawn it-tnejn kienu wkoll protagonisti ewlenin biex warrbu lil Adrian Delia.

Konna naraw minn kienu n-nies fuq quddiem fil-protesti, il-kelliema waqt dawn l-istess protesti u kommemorazzjonijiet, dejjem kienu nies Nazzjonalisti, deputati, kandidati u nies oħra li kienu involuti fil-Partit, sal-kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista kien jieħu sehem fil-manifestazzjonijiet tagħhom. Dawn l-għaqdiet immexxijin minn nies li jħobbu jidhru, jgħoxew bil-poter, imma ma jridux ir-responsabilita’ tal-pajjiż. Iħossuhom komdi jiddettaw, lil min iħallihom, u jpaċpċu u jagħmlu dikjarazzjonijiet. Togħġobhom il-logħba li joqgħodu għassa għal kollox u jmaqdru u jilmentaw għal kull ħaġa. Araw x’ġara minħabba tliet larinġiet. Persważ li kull Nazzjonalist ma jiddejjaqx jitlef mingħajrhom milli jerbaħ bihom. Biss naċċetta l-fatt li kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu.

Leave a Reply