Bernard Grech għaġġel meta kiteb lil FATF

Malajr kien pront Dr Bernard Grech li kiteb lil David Lewis, Executive Secretary tal-FATF biex ipoġġi lilu nnifsu u lill-Partit li qed imexxi għad-dispożizzjoni tal-FATF u li lest jobdi kull struzzjoni li toħroġ minn għandhom. Biss poġġielhom kundizzjoni, u din hija spekulattiva. Qalilhom hu lest joqgħod għad-dispożizzjoni tagħhom META jkun fil-Gvern.

U bħalissa meta pajjiżna qed jgħajjat għall-għajnuna x’se tagħmel Dr Grech? Toqgħod gallarija. Taf li l-pajjiż issa qed jgħajjat biex l-affarijet jittranġaw? Taf li jekk toqgħod tistenna sa meta tieħu l-Gvern jista’ jkun li pajjiżna jkun qala’ daqqa ekonomika li jkun hemm bżonn xi ftit mirakli biex jirkupra minnha? Taf li din id-deċiżżjoni se tittieħed fi ftit ġranet oħra? Taf li meta tkun fil-gvern, jekk qatt xi darba tkun, żgur u ma hemm ebda dubju, il-ħsara kbira fuq pajjiżna se tkun saret? Lilna għidilna x’ħadt billi ktibt lill-FATF? L-aktar importanti bħalissa hija din il-mistoqsija, x’se tagħmel f’dawn il-ġranet biex tgħin ħalli Malta, pajjiżna, joħroġ minn dan l-inkwiet u jerbaħ din l-isfida diffiċli li għandu quddiemu?

Il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, qalilna li din hija kwistjoni li ddur fuq informazzjoni u dettalji tekniċi ħafna. Qalilna li l-Gvern Malti ilu sena u nofs jibgħat informazzjoni dettaljata rikjesta u jiddiskuti fuqhom. Mela Dr Bernard Grech, tista’ tispjegalna kif fl-ittra tiegħek għidt dawn il-preċiżi kellmiet,

“We understand that the upcoming FATF decision will be based on a technical assessment of the implementation of AML/CFT measures. This letter is not meant to address such technical assessment, but rather as a statement attesting the commitment of the Maltese political class as a whole, to continue to improve the effectiveness of Malta’s AML/CFT system, and to ensure the integrity of the Maltese financial services industry”.

Skużani Dr Grech, imma jekk il-kwistjoni kollha qed iddur fuq affarijiet tekniċi, u inti, iswed fuq l-abjad, qed tgħid li m’intiex se tidħol fit-teknikalita tal-problema, allura jidhirlek li b’dan il-kliem inti serraħt b’xi mod moħħ l-uffiċjali tal-FATF u issa se jagħtuna l-barka tagħhom għax ktibtilhom int? Sinċerament inħoss li l-paroli kollu ftaħir, kollu assikuranti għall-impenn, ta’ integrita u li se nsaħħu billi nkomplu ninvestu fl-abilta’ tan-nies, huwa kollu paroli li bħalissa ma hemmx bżonnu. Bħalissa Malta trid għajnuna kbira biex tgħaddi minn dan l-eżami għax jekk neħlu żgur li l-paroli kollu tiegħek tkun tista’ tieklu mal-breakfast jew l-ikla prinċipali tiegħek.

Bħalissa nħoss li l-Partit fl-Oppożizzjoni huwa mitlub li jaħdem id f’id mal-Gvern u jara kif jista’ jgħin bil-kuntatti tiegħu mal-pajjiżi li qed jikkonsidraw ma jgħadduniex mill-eżami. Dak jgħiduli lobbying Dr Grech u naħseb aħjar tikkonċentra fuq dak u mhux fuq paroli vojt ta’ x’tista’ tagħmel meta tkun fil-Gvern. Dr Grech, inti għalaqt l-ittra tiegħek b’dawn il-kliem

As a government in waiting, we stand determined to do all in our competence to ensure the continuation and upscaling of current efforts to align to financial scrutiny rules under the direction of FATF and to promote financial transparency and integrity as a policy priority both in our roles within the European Union and beyond”.

Mela bħala Gvern, li qed jistenna li xi darba jkun Kastilja, inti determinat li tagħmel dak kollu possibbli biex tikkuntenta lill-awtoritajiet li qegħdin għassa tagħna fi kwalunkwe xogħol li nwettqu bħala pajjiż. Tajjeb u tajjeb ħafna. Imma dak meta tkun Kastilja. Illum qiegħed id-Dar Ċentrali, x’se tagħmel biex tgħin lill-pajjiżek? X’qed jgħidulek il-ġenerali ta’ madwarek li suppost isir minn partit fl-oppożizzjoni biex tiġi solvuta din il-problema?

Fl-opinjoni tiegħi int qed tgħid lil FATF, għamlu intom illum, u jien se ninżel għarkuptejja quddiemkom biex nagħmel dak kollu mitlub minni taħt il-gwida tagħkom, imma meta nkun fil-gvern. Issa ma nista’ nagħmel xejn. Issa jekk irid jaħdem il-Gvern għax għalkemm qridt u semmejt lill-protagonisti f’dan il-qasam, jien se noqgħod idejja fuq żaqqi, sa meta forsi nitla’ it-taraġ ta’ Kastilja b’awtorita’ għax ikun fdani l-poplu.

Jiddispjaċini ngħidlek li din l-ittra, fl-opinjoni tiegħi mgħaġġla u bla sugu, kull ma qed tagħmel tibgħat messaġġ li int ma jinteressakx minn pajjiżek, li int laqgħi tal-barrani u qed tħares ‘l quddiem biex taħdem jiġifieri tilqa’ lill-barrani meta tkun fil-Gvern.

One comment

Leave a Reply