Skont Robert Aquilina, vot jista’ jinsteraq bi tliet larinġiet

Blog post minn osservatur politiku

Robert Aquilina, President tal-Għaqda Repubblika mar għand il-kummissarju tal-pulizija biex jirraporta u jgħid li Rosianne Cutajar kissret il-liġi talli żaret xi anzjani fid-distrett tagħha, tathom tliet larinġiet u poġġiet mal-larinġ ir-ritratt tagħha ukoll. Robert Aquilina qal, li hu f’isem Repubblika, qed jisfida l-istatus quo għax qatt ma ttieħdet ebda azzjoni kontra xi politiku li jqassam xi rigal żgħir lill-kostitwenti tiegħu. Aquilina qed jgħid li la d-deputati huma n-nies li jressqu liġijiet jew jemendawhom, l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu hija li josservawhom. Laqtitha Rosianne Cutajar, għax kienet l-aħħar waħda li għamlet dan il-ġest biex skond Aquilina tisraq xi vot. Aquilina issa qed jistenna l-awtoritajiet jieħdu l-passi neċessarji, jinfurzaw il-liġi, ħalli l-mentalita’ li l-politiċi huma ntokkabbli trid tinqata’ llum qabel għada.

Għax tagħti tliet larinġiet lill-anzjani bir-ritratt tiegħek, Repubblika qed titlob azzjoni mill-pulizija. Nistaqsi, li tmur tpoġġi karti ma’ zokk żgħir fil-ħamrija u qalb il-fjuri, quddiem il-Parlament huwa aċċettabbli? Mhux talli jikkonsidraw li hu aċċettabbli, talli joqogħdu jgħaddu biż-żmien lil min igerger jew jikkritika lil din l-istess għaqda, jew lil sħabha, li poġġewhom. Mhux hekk sewwa sur president tal-Għaqda Repubblika. Il-liġi tgħodd għal terżi imma għalikom le.

Jiena għandi ġew kalendarji, birthday greetings, awgurju għall-festa t-tajba, cards u flyers bir-ritratti fuqhom. Jiġifieri dawn kontra l-liġi wkoll għax fihom ritratt, qed jagħtuni rigal – il-kalendarju, qed jgħidu li jekk ikolli bżonn xi ħaġa nikkontatjhom u jekk forsi ma qaluhiex b’mod dirett, poġġew in-numri tal-mobile u telephone tagħhom? Jiġifieri kull business card jew card oħra ta’ kull kandidat li qed jagħtihieli biex b’xi mod jipprova jinfluwenzani hija kontra l-liġi wkoll? Qed nistaqsi dan, ħalli żgur inġebbed kemm niflaħ l-argument, għax jekk jien ikolli pinnola u jarawni ngħaddiha lil xi ħadd inkun qed nikser il-liġi u mid-dehra jekk nirċiviha wkoll.

Allura jekk jiġi kandidat u joffrili card bin-numri fejn nista’ nikkontatja, qed jikser il-liġi hu għax tahieli biex jinfluwenzani u qed nikser il-liġi jien għax aċċettajt li niġi nfluwenzat. Hekk qed naqrawha l-liġi? Mela biex inkomplu nifhmu sewwa. Meta jiġi kandidat iħabbatli l-bieb, jiena rrid noqgħod attent li ma nħallihx jidħol, speċjalment jekk ikollu xi ħaġa f’idu biex forsi jażżarda joffrihieli u jinfluwenzani. Jiġifieri jekk dawn il-kandidati jagħtuni kalendarju żgħir, xi card tiegħu, xi kalamita bi stampa biex inwaħħalha mal-fridge, dan ifisser li jien inkun kompliċi għax qed inħalli lill-kandidat jikser il-liġi għax qed jipprova jinfluwenzani?

Allura donnu ta’ Repubblika qed jgħaddu messaġġ lill-kandidati biex lanqas fid-djar ma jmorru, bħalma s-soltu jagħmlu. Sinjuri kandidati tmorrux għand in-nies ma jmorrux jitolbukom xi parir, xi ħaġa meta tirbħu s-siġġu tal-parlament, xi job meta tkunu Ministri, xi dar meta tkunu fil-Gvern u mitt elf pjaċir ieħor. Attenti għax ta’ Repubblika, jekk ikunu jafu, jmorru għand il-Kummissarju biex jgħidulu jieħu passi kontra tagħkom għax tkunu qed tiksru l-liġi. Ma nafx jien imma donnu se nagħmlu minn kollox biex issir diffiċli ħafna biex kandidat jagħmel il-kampanja tiegħu.

Se jkolli nistaqsi lil Robert Aquilina, tgħid jekk lilek ituk tliet larinġiet inti tiddeċiedi li tagħti l-vot lil min ikun tak dan ir-rigal? Forsi smajt minn xi ħadd viċin tiegħek li rigal bħal dan jikkonvinċi lin-nies jibdlu l-preferenza tagħhom? Biex wasalt sa hawn Sur Aquilina, din bilfors kellek xi prova tagħha. Fl-opinjoni umli tiegħi int qed taħseb li kull Malti, Maltija, Għawdxi u Għawdxija jaqilbu l-prinċipji tagħhom, il-valuri tagħhom, il-ħbiberija tagħhom għal tliet larinġiet jew xi ħaġa simili. Jiġifieri biex nifhmek sewwa Sur Aquilina, inti qed tgħid li l-poplu Malti u Għawdxi ibiddel l-aqwa arma li jista’ jkollu f’idejh, għax imur jew tmur xi kandidat bi tliet larinġiet? Mamma mia kemm għamiltu baħnan u ċuċ lill-poplu Malti u Għawdxi Sur Aquilina!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *